L-MCESD Tmexxi Diskussjoni dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Industrija tal-Kostruzzjoni ta’ Malta permezz tal-Liċenzjar tal-Kuntratturi tal-Bini

L-MCESD reġa’ ikkunsidra li jiddiskuti suġġett ieħor importanti għal pajjiżna – ir-regolamentazzjoni tal-kuntratturi tal-kostruzzjoni. Waqt is-seba’ laqgħa tal-kunsill għas-sena 2023, l-MCESD, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, l-Onor. Stefan Zrinzo Azzopardi, l-imsieħba soċjali u esperti mill-qasam iddiskutew il-liċenzjar tal-kuntratturi u l-futur tal-industrija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), is-Sur Jesmond Muscat, ippreżenta l-obbligu ppjanat tal-liċenzjar għall-kuntratturi tal-kostruzzjoni lill-imsieħba soċjali. Spjega regolamenti proposti għall-għoti ta’ liċenzji lill-kuntratturi li jaħdmu fit-twaqqigħ, it-tħaffir u l-bini. Is-Sur Muscat żied jgħid li perjodu speċifiku biex jintlaqgħu l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-kuntrattur ikun bejn l-1 ta’ Ġunju 2023 u l-31 ta’ Ottubru 2023. Wara l-1 ta’ Novembru 2023, ma jistgħux isiru attivitajiet ta’ twaqqigħ, tħaffir, u bini jekk l-applikazzjoni tkunx ġiet sottomedda. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità enfasizza wkoll li kuntrattur jista’ jopera biss jekk jingħata awtorizzazzjoni proviżorja bħala l-ewwel pass għall-ħruġ tal-liċenzja mill-Kumitat relattiv imwaqqaf mill-BCA. Barra minn hekk, minn Ġunju 2024 ‘il quddiem, kuntrattur tal-bini ma jistax jaħdem mingħajr liċenzja maħruġa.

Għal-laqgħa ġew mistiedna wkoll il-Kamra tal-Periti u l-Malta Developers Association, fejn it-tnejn għamlu osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet importanti lill-MCESD.

L-imsieħba soċjali pparteċipaw b’mod attiv fid-diskussjoni, u saħqu fuq il-ħtieġa għal aktar infurzar fl-Industrija tal-Bini filwaqt li għamlu suġġerimenti konkreti biex titjieb permezz ta’ liċenzjar effettiv u infurzabbli tal-Kuntratturi tal-Bini. Huwa vitali għall-partijiet interessati kollha li jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-industrija tkun sigura, sostenibbli u ta’ kwalità għolja. L-isforzi tal-MCESD biex jirregola l-industrija permezz ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u esperti huma ta’ min ifaħħarhom u għandhom iwasslu għal riżultati pożittivi għall-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta.

Il-preżentazzjoni mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni tista’ tiġi aċċessata minn hawn.