Affiljazzjonijiet Internazzjonali

Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) huwa kunsill konsultattiv li joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet lill-gvern Malti dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza ekonomika u soċjali.  Fid-dawl ta’ dan, il-viżjoni tal-MCESD hija waħda ta’ titjib kontinwu tad-Djalogu Soċjali f’Malta

L-MCESD sservi bħala katalista bejn l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili, il-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex u l-Gvern. L-għan ewlieni huwa li jiġi żgurat li l-Gvern jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet sodi u konkreti dwar kwistjonijiet soċjoekonomiċi qabel kwalunkwe riforma jew miżura ta’ rilevanza. Dan isir wara sensiela ta’ konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kunsill.

Djalogu soċjali għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd

Id-diskussjonijiet li jsiru huma influwenzati ħafna minn dak li l-imsieħba soċjali jesperjenzaw fuq bażi ta’ kuljum. L-imsieħba soċjali jaqblu dwar is-suġġetti li għandhom jiġu diskussi matul il-laqgħat tal-Kunsill. Għalhekk, is-suġġetti għad-diskussjoni huma determinati mill-ambjent estern. Peress li l-Gvern jifforma parti mill-Kunsill, huwa wkoll iressaq suġġetti li għandhom jiġu diskussi matul il-laqgħat tal-Kunsill fejn ta’ spiss jiġu fformulati politiki nazzjonali. Il-Kunsill huwa għodda għall-analiżi u, xi drabi, katalist għall-bidla.

“L-MCESD għandha rwol vitali fil-promozzjoni tad-djalogu soċjali f’Malta”

Is-suċċess tal-Kunsill jinsab fil-fatt li d-diversi rappreżentanti huma miftuħa u lesti li jirċievu suġġerimenti u feedback mill-kontropartijiet tagħhom dwar il-Kunsill, filwaqt li dejjem iżomm f’moħħu li huwa l-Gvern li għandu l-mandat li jimplimenta l-politika.

Is-sħubija fl-UE għenet biex tingħata perspettiva aħjar dwar x’qed jiġri fl-istati membri f’oqsma simili ta’ interess, u r-rappreżentanti Maltin fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ikkontribwew biex ikomplu jiżviluppaw xenarju daqshekk rilevanti għaċ-ċirkostanzi Maltin. Informazzjoni bħal din għenet ukoll, u ser tkompli tgħin lill-Kunsill fid-deliberazzjonijiet tiegħu dwar dokumenti jew rapporti li l-UE stess titlob minn żmien għal żmien. Dawn ir-rapporti jikkontribwixxu għas-Semestru Ekonomiku Ewropew u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma (PNR).