L-MCESD jiddiskuti temi ewlenin mal-MCCAA

L-MCESD laqa’ rappreżentanti mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) għall-ewwel preżentazzjoni uffiċjali tal-Awtorità lill-Kunsill, pass importanti lejn it-tisħiħ tad-djalogu u l-kooperazzjoni mal-Imsieħba Soċjali.

 

 

 

 

 

 

L-erba’ Diretturi Ġenerali flimkien maċ-Chairperson tal-MCCAA taw ħarsa lejn l-irwoli differenti fi ħdan din l-Awtorità, partikolarment sabiex tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni u d-diskussjoni mal-Imsieħba Soċjali.

Is-suġġetti diskussi waqt din il-laqgħa qajmu diversi punti important rigward is-sigurtà tal-prodotti fuq is-suq, l-importanza tal-kompetizzjoni, l-assistenza fi drittijiet tal-konsumatur u anki l-kollaborazzjoni mal-operaturi ekonomiċi, u anki l-istandards fi sfera lokali u kif dawn jilagħbu parti fl-operat ta’ kumpaniji lokali.

L-imsieħba soċjali laqgħu b’sodisfazzjon il-preżentazzjoni dwar ix-xogħol u l-inizjattivi tal-Awtorità u ppreżentaw diversi kjarifiki relatati ma’ temi ta’ interess komuni. Fost dawn it-temi, issemmew il-kontroll fuq xiri onlajn minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea, il-validità tal-marki CE fis-suq lokali, il-ħtieġa ta’ aktar kampanji ta’ informazzjoni lill-pubbliku, kif ukoll aspetti relatati mal-kompetizzjoni ġusta, is-servizzi finanzjarji u l-eco-labelling.

Iċ-Chairperson tal-MCCAA, is-Sa Carmen Ciantar qalet li din il-laqgħa tifforma parti mill-isforzi kontinwi tal-MCCAA biex twettaq sessjonijiet ta’ outreach mal-partijiet interessati u hija opportunità importanti biex jiġu diskussi u jinstemgħu direttament il-fehmiet u s-suġġerimenti tas-sħab soċjali u ekonomiċi. Hija qalet ukoll li bħala Awtorità tinsab ħerqana sabiex jitkompla dan id-djalogu kostruttiv mal-MCESD fil-futur.

Il-membri tal-Kunsill qablu wkoll li laqgħat bħal dawn għandhom isiru b’mod regolari sabiex jiġi żgurat djalogu miftuħ u koperazzjoni kontinwa bejn l-MCCAA u l-Imsieħba Soċjali.

Ritratti: