L-Ewwel Konferenza tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan l-MCESD tħares lejn l-Importanza tal-Assessjar tal-Impatt Soċjali fit-Tfassil tad-Deċiżjonijiet Politiċi
Il-ħtieġa li s-soċjetà tkun fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet: diskussjoni fuq kif l-impatt soċjali jista’ jissaħħaħ fit-tfassil tal-politiki.
Il-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, organizza l-ewwel konferenza tiegħu dwar l-importanza tal-Assessjar tal-Impatt Soċjali fit-tfassil tad-deċiżjonijiet politiċi.

Il-Kumitat, li huwa rappreżentat minn 12-il settur differenti, jiġbor fih organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li jirrappreżentaw diversi oqsma tas-soċjetà Maltija.
Għal din il-konferenza attendew is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, l-Onor. Jerome Caruana Cilia, kif ukoll imsieħba soċjali, membri tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili u rappreżentanti minn għaqdiet oħra mhux governattivi.
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul, faħħar ix-xogħol tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan l-MCESD għall-organizzazzjoni ta’ din l-ewwel konferenza, u saħaq li l-aspett soċjali għandu jibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni, kemm fil-Gvern kif ukoll fis-settur privat.
Huwa qal li: “Din il-konferenza ttenni l-importanza li l-impatt soċjali jiġi analizzat b’mod konkret, sabiex nifhmu aħjar kemm l-effetti pożittivi kif ukoll dawk negattivi ta’ kull politika jew proġett.”
L-Onor. Ellul irrimarka li bħala Gvern, tul is-snin, inżammet politika li tpoġġi l-bżonnijiet tal-ħaddiema u tal-familji Maltin fil-qalba tad-deċiżjonijiet, permezz ta’ miżuri konkreti bħal Miscarriage Leave, NPICU Support Leave u Bereavement Leave, li joffru appoġġ reali f’mumenti diffiċli mingħajr ma jitfa’ piż fuq min iħaddem.
Dr. Ellul temm billi enfasizza li l-diskussjonijiet bħal dawn, imqanqla minn inizjattivi bħal din il-konferenza, huma kruċjali biex Malta tkompli timxi ’l quddiem lejn futur sostenibbli u ġust għal kulħadd.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MCESD Dr. Brendan Zerafa, saħaq li din il-konferenza tixhed b’mod ċar l-impenn tal-MCESD biex isaħħaħ l-imsieħba soċjali billi jgħinhom fl-inizjattivi tagħhom. Hu faħħar il-ħidma tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili, li organizza b’suċċess l-ewwel konferenza tiegħu bl-appoġġ tal-MCESD, u li jiġbor flimkien ideat u esperjenzi minn diversi setturi tas-soċjetà Maltija, li jiddiskuti l-impatt soċjali bħala element kruċjali fit-tfassil tal-politika pubblika.

Iċ-Chairperson tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili, Norma Camilleri, spjegat li din il-konferenza kienet riżultat tad-diskussjonijiet li saru fost it-12-il settur li jiffurmaw il-Kumitat.
Hi saħqet li: “Permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet, ħareġ biċ-ċar li hemm bżonn li l-Assessjar tal-Impatt Soċjali jsir parti integrali mit-tfassil ta’ kwalunkwe politika jew deċiżjoni. Dan jorbot ukoll mal-prinċipji tal-Viżjoni Malta 2050, li tħares lejn il-benesseri tal-bniedem bħala ċ-ċavetta għal ekonomija b’saħħitha u poplu kuntent.”

Matul il-konferenza ġie enfasizzat li l-Assessjar tal-Impatt Soċjali għandu jsir proċess sistematiku fil-politiki u l-proġetti nazzjonali. Għalhekk, l-għan ewlieni tal-konferenza kien li jiġi diskuss u enfasizzat l-importanza li barra l-aspett finanzjarju jiġi analizzat ukoll l-impatt soċjali ta’ dawn id-deċiżjonijiet sabiex niżguraw li s-saħħa u l-benesseri ma jkunu sagrifikati qatt għall-gwadann ekonomiku.
Is-saħħa kemm fiżika u mentali ġiet deskritta bħala l-pedament ta’ soċjetà b’saħħitha. Għalhekk, ġie maqbul li l-impatt fuq is-saħħa għandu jitkejjel b’mod xjentifiku sabiex jitqies fil-proċess tad-deċiżjonijiet. L-impatt fuq persuni vulnerabbli għandu jiġi kkunsidrat b’mod speċjali.
Il-konferenza kienet maqsuma f’erba’ workshops tematiċi, li fihom ġew identifikati l-aktar effetti rilevanti fuq is-soċjetà Maltija. Dawn kienu:
- Ix-xogħol u l-migrazzjoni,
- L-inklużjoni diġitali u t-teknoloġija
- Il-kostruzzjoni, l-infrastruttura u t-trasport
- Is-saħħa u l-edukazzjoni
Il-membri kollha qasmu l-ideat tagħhom dwar kif l-impatt soċjali jista’ jsaħħaħ il-valur tal-politika pubblika, sabiex il-pjanijiet u l-proġetti jkunu mfassla b’mod li jtejbu l-benesseri tal-komunità, jsaħħu l-kultura u l-pajjiż inġenerali.

Antoinette Cefai, mit-tim tal-Viżjoni Malta 2050 fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, faħħret l-approċċ ta’ din il-konferenza, li qalet tikkumplimenta l-konsultazzjoni pubblika li għaddejja bħalissa fuq il-Viżjoni għal Malta 2050. Hija sostniet li: “is-suġġerimenti li smajna fil-workshops u fid-diskorsi huma allinjati mal-objettivi tal-Viżjoni 2050, li hija mibnija fuq kwalità ta’ ħajja sana u sostenibbli għal kulħadd. Ix-xogħol li diġà għaddej min-naħa tal-Gvern jgħaqqad dawn it-talbiet fid-dawl ta’ din il-viżjoni nazzjonali.”

Aktar ritratti:




