L-MCESD Jiddiskuti s-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-Abbuż minn Sustanzi u l-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol

F’laqgħa tal-MCESD, l-Imsieħba Soċjali ddiskutew żewġ temi ta’ prijorità: is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, inkluż l-abbuż minn sustanzi u l-implikazzjonijiet tiegħu, kif ukoll il-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol.

Fuq is-suġġett tas-saħħa u s-sigurtà, l-Imsieħba Soċjali qalu li, għalkemm in-numru ta’ inċidenti naqsu, dan mhux biżżejjed u hemm bżonn ta’ aktar azzjoni biex jitnaqqsu l-fatalitajiet u jinbena post tax-xogħol sigur għal kulħadd. Qalu li huwa essenzjali li jkun hemm aktar taħriġ, kuxjenza u kollaborazzjoni bejn entitajiet pubbliċi u privati bies tiżdied l-efficjenza u effettivita, u li jiġu mħeġġa investimenti u inċentivi biex in-negozji jkomplu jinvestu fis-sigurtà. Ġie enfasizzat ukoll il-benefiċċju li jiġu użati teknoloġiji ġodda, bħal intelliġenza artifiċjali, biex jissaħħu l-infurzar u s-sorveljanza.

Dwar il-Politika Nazzjonali dwar l-alkoħol u l-abbuż tas-sustanzi fuq li jħalli effett fuq il-post tax-xogħol, l-Imsieħba jibqgħu inkwetati ħafna u qalu li huwa importanti li l-ambjent tax-xogħol ikun wieħed sigur u responsabbli. L-abbuż minn sustanzi, inkluż l-alkoħol, huwa ta’ riskju għas-sigurtà u l-benessri tal-ħaddiema u min iħaddem, u għalhekk hemm bżonn ta’ liġijiet iktar rigoruzi u ta’ aktar edukazzjoni, kuxjenza u koordinazzjoni bejn setturi differenti sabiex it-tibdiliet ikunu aktar effettivi u sostenibbli.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, li hu politikament responsabbli mill-MCESD, qal li l-MCESD se jibqa’ jħeġġeġ kollaborazzjoni bejn l-entitajiet kollha bl-għan ewlieni jibqa’ li l-postijiet tax-xogħol ikunu aktar siguri, il-ħaddiema aktar protetti, u li tirrenja kultura ta’ responsabilità minn kulħadd. Irrikonoxxa x-xogħol li sar mill-Gvern fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, fosthom l-espansjoni tal-OHSA sabiex tagħmel aktar spezzjonijiet.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard flimkien maċ-Chairperson tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà s-Sur Pierre Fava u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Dr Josianne Cutajar, preżentaw ir-riformi mwettqa fl-aħħar xhur, intiżi li jkompli jġibu bidla kulturali fil-mod kif inħarsu lejn is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Il-Ministru Attard spjega li pass kruċjali f’din il-bidla seħħ bl-introduzzjoni tal-liġi l-ġdida tal-OHSA, li tpoġġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema bħala prijorità.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fejn saħaq kif il-Gvern huwa kommess biex ikompli jimplimenta miżuri dwar dan is-settur. Semma l-politika nazzjonali dwar l-alkoħol li qajmet diversi reazzjonijiet waqt il-konsultazzjoni pubblika. Il-Ministru Falzon tenna li dik il-politika issa tinsab fl-aħħar stadju biex tkun ippubblikata wara li l-Gvern xtarr dak kollu li qalu l-imsieħba ewlenin.
Dr Falzon irrimarka wkoll kif il-Gvern qed idaħħal liġi biex l-awtoritajiet ikollhom aktar saħħa biex jagħmlu random testing fit-toroq tagħna, sabiex ikunu evitati inċidenti li jistgħu jkunu fatali.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li “huwa essenzjali li nżommu d-djalogu miftuħ mal-imsieħba soċjali, għaliex r-riforma dwar l-użu responsabbli tal-kannabis għandha l-għan li tiżgura li dawk li jagħmlu użu mil-kannabis b’mod responsabbli ma jiġux kriminalizzati. Post dawn il-persuni mhux il-ħabs. Fl-istess waqt, huwa importanti li niżguraw li l-liġijiet ta’ pajjiżna jibqgħu jiġu osservati u rispettati.”
Abbażi r-reazzjonijiet u l-pariri tal-Imsieħba Soċjali fi ħdanu, l-MCESD jkompli jħeġġeġ għall-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet kollha, billi l-għan ewlieni jibqa: postijiet tax-xogħol aktar siguri, ħaddiema aktar protetti u kultura ta’ responsabbiltà min kulħadd.
Ritratti: