L-MCESD jiddiskuti l-Istat tal-Unjoni u l-Kompetittività Ewropea mal-EESC

 X’qed jiġri fl-Ewropa jolqot direttament lil Malta, u għalhekk l-MCESD organizza laqgħa mal- membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) biex jiddiskutu l-Istat tal-Unjoni u l-futur tal-kompetittività Ewropea. Preżenti għal-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Finanzi, l-Onor. Clyde Caruana, u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul. Din kienet opportunità biex l-imsieħba soċjali ikollhom għarfien dwar kif id-deċiżjonijiet tal-UE jistgħu jaffettwaw lill-ħaddiema u n-negozji f’pajjiżna.

Matul din il-laqgħa ġew diskussi l-iżviluppi mill-aħħar indirizz tal-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, kif ukoll l-analiżi tal-progress fl-implimentazzjoni tar-rapport ta’ Mario Draghi dwar il-kompetittività sena wara li kien ġie ppreżentat. Dawn enfasizzaw il-bżonn ta’ aktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll l-urġenza li tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE b’miżuri li jnaqqsu l-burokrazija u jsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, spjega li din il-laqgħa ppermettiet lill-imsieħba soċjali jifhmu kif dawn l-iżviluppi qed jaffettwaw lil pajjiżna u kif il-fondi ġodda Ewropej jistgħu joffru opportunitajiet biex in-negozji f’Malta jinvestu f’riċerka, teknoloġija u ħiliet ġodda, u b’hekk isaħħu l-kompetittività tal-ekonomija lokali.

L-imsieħba soċjali enfasizzaw li l-Ewropa trid tkun aktar kuraġġuża: investiment fir-riċerka, innovazzjoni u diġitalizzazzjoni; inqas burokrazija li toħnoq lill-negozji żgħar; u politika li tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema u tippromwovi bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet, l-MCESD qed jiffaċilita djalogu mal-imsieħba soċjali dwar l-iżviluppi Ewropej u l-impatt tagħhom fuq Malta, u kif dawn jistgħu joffru opportunitajiet prattiċi għall-ekonomija u n-negozji lokali.

Aċċessa l-preżentazzjoni minn hawnhekk.

Ritratti: