L-MCESD Jiddiskuti l-Pjan Nazzjonali ta’ Adattament għat-Tibdil fil-Klima

L-MCESD organizza laqgħa mal-Awtorità dwar it-Tibdil fil-Klima, bil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv Inġ. Abigail Cutajar u mill-konsulenti Grant Thorton permezz ta’ Dr George Vella, għal konsultazzjoni dwar il-Pjan Nazzjonali ta’ Adattament li qed jiġi mfassal. Għal din il-laqgħa attendiet ukoll l-Onor. Miriam Dalli, Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika. Il-Ministru saħqet li l-imsieħba soċjali se jkunu involuti f’kull stadju tat-tfassil ta’ dan il-pjan​.

Il-laqgħa ffokat fuq l-importanza li Malta tkun iktar reżiljenti għall-effetti tat-tibdil fil-klima, speċjalment minħabba l-vulnerabbiltà tagħha bħala gżira żgħira fil-Mediterran. Din l-Awtorità, stabbilita disa’ xhur ilu, hija l-ewwel tat-tip tagħha fl-Unjoni Ewropea u għandha l-għan li tikkonsolida l-isforzi tal-Gvern u tinvolvi lis-sħab soċjali fit-tfassil ta’ rispons nazzjonali komprensiv.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli enfasizzat li huwa sinifikattiv li l-MCESD qed jibda jiddiskuti dan il-pjan sa mill-istadju bikri tat-tfassil tiegħu. “Din hija sfida globali, li Malta bħala gżira żgħira trid tadatta għaliha u ma tistax tagħmel dan mingħajr l-involviment tas-soċjetà kollha kemm hi. Kien għalhekk li b’mod konxju mill-ewwel ġejna quddiem l-MCESD biex dan il-Kunsill ikun parti mit-tfassil ta’ dan il-pjan. Quddiem sfida bħal din li tirrikjedi anke bidliet fil-mod kif naħsbu u nagħmlu l-affarijiet, irridu nkunu tim niġbdu ħabel wieħed,” qalet il-Ministru Dalli.

Matul il-laqgħa saru preżentazzjonijiet tekniċi u ġew ppreżentati l-istadji inizjali tal-Pjan ta’ Adattament, li se jindirizza għaxar setturi ewlenin. L-imsieħba soċjali ġew mistiedna joffru l-kontribut tagħhom sabiex il-pjan jirrifletti b’mod konkret il-ħtiġijiet u r-realtajiet ta’ Malta.

L-imsieħba soċjali enfasizzaw il-bżonn ta’ strateġiji prattiċi u li jistgħu jiġu implimentati, filwaqt li ddiskutew aspetti relatati mal-kompetittività, l-ispejjeż tal-konformità, u l-aċċess għad-dejta. Temi oħra importanti kienu l-edukazzjoni, l-infurzar, l-innovazzjoni, il-koordinazzjoni bejn il-ministeri, u l-involviment tas-settur privat.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, enfasizza li l-vulnerabbiltà ta’ Malta għat-tibdil fil-klima teħtieġ pjan li jindirizza mhux biss sfidi ambjentali, iżda wkoll il-bidliet necessarji fil-ħiliet, l-impatt fuq in-negozji, u l-opportunitajiet ta’ investiment f’oqsma emergenti. Huwa rringrazzja lill-parteċipanti kollha għall-kontribut siewi tagħhom u afferma mill-ġdid ir-rwol tal-Kunsill fit-tiswir ta’ strateġija klimatika reżiljenti u inklużiva.

L-imsieħba soċjali wrew impenn ċar li jkomplu jikkontribwixxu b’mod attiv u kostruttiv, sabiex il-Pjan ta’ Adattament ikun sostenibbli u rilevanti għall-isfidi u l-potenzjal ta’ pajjiżna.

 

Ritratti: