L-MCESD Jiddiskuti l-Impatt tal-Intelliġenza Artifiċjali fuq in-Negozji u s-Suq tax-Xogħol f’Malta
L-MCESD Jaqbel Li Jiġi Kummissjonat Studju Dwar l-Impatt tal-Intelliġenza Artifiċjali fuq in-Negozji u s-Suq tax-Xogħol f’pajjiżna.
Fl-aħħar laqgħa tal-MCESD, il-Kunsill laħaq qbil biex jiġi kummissjonat studju nazzjonali li janalizza l-opportunitajiet u l-isfidi li l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) qed toħloq għall-ekonomija Maltija u għas-suq tax-xogħol.
Din l-inizjattiva saret fuq proposta tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, u tirrifletti l-irwol ċentrali tal-MCESD bħala l-pjattaforma nazzjonali fejn isiru diskussjonijiet strateġiċi dwar il-futur ekonomiku u soċjali tal-pajjiż.
Il-Kunsill fakkar li l-AI mhijiex biss teknoloġija li qed tidħol fil-proċessi tan-negozji, iżda fattur li jifforma politika u strateġija fit-tul. Għalhekk l-MCESD jisħaq li jinvesti f’riċerka bbażata fuq evidenza, sabiex il-pajjiż ikun ippreparat b’mod serju u realistiku għall-bidliet li ġejjin.












