L-MCESD Jiddiskuti l-Isfidi fil-Qasam tal-Akkomodazzjoni f’Soċjetà li Qed Tixjieħ
Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, organizza laqgħa mal-Awtorità tad-Djar dwar il-qasam tal-akkomodazzjoni f’soċjetà li qed tixjieħ. Għal din il-laqgħa attendew ukoll rappreżentanti mill-Fondazzjoni għad-Djar Affordabbli.

Matul il-laqgħa, l-Awtorità tad-Djar qasmu għarfien u informazzjoni siewja, inkluż dejta ġdida li turi żieda sinifikanti fil-popolazzjoni li qed tixjieħ, kif ukoll proposti u skemi mmirati biex itejbu l-affordabbiltà, l-aċċessibbiltà u l-opportunitajiet għal għajxien indipendenti. Il-laqgħa ttrattat ukoll soluzzjonijiet innovattivi tad-djar, fosthom arranġamenti bbażati fil-komunità.
L-imsieħba soċjali esprimew tħassib dwar iż-żieda fil-kirjiet, il-ħtieġa għal soluzzjonijiet innovattivi għad-djar u l-isfida ta’ propjetajiet kbar iżżejjed għal ħtiġijiet tal-anzjani. Huma appellaw għal aktar għarfien pubbliku, regolamenti aktar flessibbli u inizjattivi sostenibbli, bħal proġetti interġenerazzjonali u bbażati fil-komunità.
L-għan ta’ din il-laqgħa kien biex titħaddem strateġija li tiżgura li s-sistema tal-akkomodazzjoni f’Malta tolqot il-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet kollha.
Ritratti:




