Il-Public Procurement u l-Ħiliet Nazzjonali fuq l-Aġenda tal-MCESD
Illum l-MCESD kien ospitat għall-ewwel darba minn wieħed mill-imsieħba soċjali tiegħu, il-General Workers’ Union.
Kif qed isir dejjem, l-MCESD illum indirizza żewġ materji ta’ prijorita’ għall-pajjiż bl-għajnuna ta’ riċerka u analiżi esperta (1) il-valur mistenni li jiġi estratt għaċ-ċittadini Maltin permezz tal-Public Procurement u (2) it-tiswir mill-ġdid mistenni tal-Ħiliet Nazzjonali biex jitmexxew l-ambizzjonijiet ekonomiċi nazzjonali.
Il-perspettiva tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) dwar l-akkwist pubbliku f’Malta ġiet ippreżentata lill-imsieħba soċjali mill-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara li enfasizza s-sinifikat tal-passi li jridu jittieħdu biex tissaħħaħ il-governanza tajba fil-Public Procurement. L-Awditur Ġenerali rrefera għall-kontenut taż-żewġ rapporti l-aktar reċenti tal-NAO, bit-titlu: An evaluation of performance audits in the public sector: Common Audit Findings 2017 – 2020 u Report by the Auditor General on the Public Accounts 2021 (Dec 2022). Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tas-Sur Deguara koprew trasparenza, trattament ugwali, valur għall-flus, u kontroll. Huwa indirizza wkoll id-dritt taċ-ċittadini li jkunu jafu x’qed jintefaq fis-settur pubbliku. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jistenna bil-ħerqa li jestendi l-kooperazzjoni fuq bosta fronti fi ħdan l-MCESD.
Il-preżentazzjoni dwar il-perspettiva dwar il-Public Procurement f’Malta mill-NAO, tista’ taċċessaha minn hawnhekk.
Il-laqgħa, imbagħad, kompliet billi ġew mismugħa u kkunsidrati riċerka, analiżi u rakkomandazzjonijiet dwar is-sistema tal-Public Procurement ta’ Malta, żviluppata mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta permezz tal-Kap Eżekuttiv tagħha, Dott. Marthese Portelli. Il-preżentazzjoni enfasizzat is-sinifikat ta’ Public Procurement trasparenti u responsabbli fl-interess tan-negozju etiku u taċ-ċittadini li jħallsu t-taxxa. Il-preżentazzjoni kienet tinkludi sensiela ta’ proposti tanġibbli u b’saħħithom għal riforma li jinkludu t-tisħiħ tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Il-preżentazzjoni kien fiha għadd ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ riforma qawwija u konkreti, li waħda minnhom kienet li jissaħħaħ id-Dipartiment tal-Kuntratti b’biżżejjed impjegati infurmati b’ħiliet li jkopru l-abbozzar sa skrutinju ta’ wara l-għoti, u b’KPIs stabbiliti.
Il-preżentazzjoni dwar il-perspettiva dwar ir-Riforma tal-Public Procurement mill-Kamra tal-Kummerċ, tista’ taċċessaha minn hawnhekk.
L-imsieħba soċjali għamlu għadd ta’ osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet importanti dwar dan is-suġġett, fosthom is-sinifikat tat-trasparenza, l-importanza tad-drittijiet tal-impjegati, u l-aspirazzjoni li l-intrapriżi ż-żgħar għandhom jirċievu appoġġ u konsiderazzjoni akbar.
It-tieni parti tal-laqgħa ffukat fuq l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jitjiebu l-Ħiliet Nazzjonali. L-imsieħba soċjali ingħataw preżentazzjoni mid-direttur tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet (NSC), is-Sa Ruth Debrincat. Waqt din il-preżentazzjoni, l-imsieħba soċjali ingħataw tagħrif dwar il-missjoni u l-viżjoni ta’ dan il-Kunsill ġdid biex jiddefinixxi u jappoġġja l-ħiliet meħtieġa u jsostni l-ambizzjonijiet ta’ Malta. Biex jinkiseb dan, l-imsieħba soċjali talbu impenn imtejjeb u komunikazzjoni kontinwa, speċjalment issa li l-NSC sar kunsill eżekuttiv. L-MCESD se jappoġġja u jikkontribwixxi għall-ħidma tal-NSC billi jippermetti definizzjoni mtejba tal-ambizzjonijiet soċjali u ekonomiċi tal-pajjiż.
Il-preżentazzjoni dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, tista’ taċċessaha minn hawnhekk.