Il-Prim Ministru jiddiskuti mal-MCESD il-prijoritajiet nazzjonali għal din il-leġiżlatura
Fl-ewwel laqgħa tal-MCESD għal din il-leġiżlatura, il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Keith Azzopardi Tanti, u mill-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Omar Farrugia, iltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) biex jiddiskutu l-prijoritajiet imfassla mill-Gvern għall-ħames snin li ġejjin.
Il-Prim Ministru, Robert Abela, tenna li dan il-Gvern se jkompli jipprijoritizza l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali kollha. Huwa rrefera wkoll għar-relazzjoni ta’ rispett u ħbiberija li nbniet fl-aħħar snin, fosthom f’mumenti kritiċi bħall-pandemija, meta l-Gvern, flimkien mal-imsieħba soċjali, ħadem biex jissalvagwardja l-ħaddiema, il-familji, min iħaddem u l-istabbiltà ekonomika tal-pajjiż.
Huwa semma wkoll il-ħidma konġunta bejn il-Gvern u l-MCESD fuq il-Viżjoni Malta 2050 u fuq diversi ftehimiet settorjali u kollettivi li tejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Qal li fid-diskussjonijiet u l-ħidma dejjem kien hemm rispett u impenn lejn il-ġid komuni.
Il-Prim Ministru saħaq fuq l-irwol kruċjali tal-MCESD bħala pjattaforma ta’ djalogu soċjali fejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali jiddiskutu u jfasslu flimkien deċiżjonijiet ta’ importanza nazzjonali.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti qal li l-progress sostenibbli ma jistax jiġi impost minn naħa waħda biss, iżda għandu jinbena flimkien permezz ta’ djalogu fejn it-tkabbir ekonomiku jimxi id f’id mal-progress soċjali u l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema. “Bħala Gvern, aħna kommessi li naħdmu mal-imsieħba soċjali kollha biex l-użu tal-fondi Ewropej u d-deċiżjonijiet tagħna jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u ma jħallu lil ħadd lura,” tenna l-Ministru Azzopardi Tanti.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, Maria Micallef, qalet li l-fatt li waħda mill-ewwel attivitajiet ta’ din il-leġiżlatura kienet proprju laqgħa tal-MCESD huwa sinjal ċar tal-importanza li l-Gvern qed jagħti lid-djalogu soċjali u lill-imsieħba soċjali.
“Bħala pajjiż irridu nimxu ’l quddiem permezz tal-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li l-Kunsill tal-MCESD kien strumentali biex titnieda. Il-valur ta’ din il-viżjoni ma jitkejjilx biss mill-aspirazzjonijiet tagħha, iżda wkoll mill-kapaċità tagħna li nibqgħu ffukati fuq l-implimentazzjoni u l-miri tagħha,” spjegat Maria Micallef.
Fl-aħħar nett, hija saħqet li jekk kulħadd jibqa’ impenjat għad-djalogu, bħala pajjiż nistgħu mhux biss nindirizzaw l-isfidi tal-lum, iżda wkoll nibnu futur aktar sostenibbli, inklużiv u prosperu għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada, filwaqt li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja u l-benesseri tal-Maltin u l-Għawdxin.
L-imsieħba soċjali laqgħu din il-laqgħa mal-Prim Ministru u mal-membri tal-Kabinett preżenti b’mod pożittiv u taw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom, filwaqt li saħqu fuq il-ħtieġa ta’ kontinwità u koordinazzjoni aktar b’saħħitha fil-proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali. Huma enfasizzaw ukoll l-importanza li l-MCESD jibqa’ fil-qalba tad-djalogu soċjali, b’enfasi fuq l-istabbiltà, is-sostenibbiltà u l-kwalità tal-ħajja għall-poplu Malti u Għawdxi.
Ritratti:



