Il-Malta Fiscal Advisory Council Jiddiskuti l-Governanza Fiskali u l-Prijoritajiet Ekonomiċi mal-MCESD
L-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) iltaqgħu għal laqgħa li matulha l-Malta Fiscal Advisory Council (MFAC) ippreżenta analiżi dettaljata dwar ir-Riżultat Makroekonomiku u Fiskali tal-2025, kif ukoll it-Tbassir għall-2026. Dwar dan, iċ-Chairperson tal-Malta Fiscal Advisory Council, Dr Moira Catania, flimkien maċ-Chief Economist tal-Kunsill, is-Sur Gilmour Camilleri, taw preżentazzjoni dettaljata lill-membri tal-MCESD.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, is-Sa. Maria Micallef, saħqet fuq l-importanza li l-MCESD ikollu laqgħat regolari mal-Malta Fiscal Advisory Council sabiex id-data u l-analiżi tiegħu jkomplu jsaħħu d-djalogu soċjali u jikkontribwixxu għal tfassil ta’ politika aktar infurmata.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, l-Onor. Keith Azzopardi Tanti, irringrazzja lill-imsieħba soċjali tal-impenn kontinwu tagħhom fi ħdan l-MCESD u saħaq li l-Gvern se jkompli jisma’ l-fehmiet u l-kontribut ta’ kulħadd.
Matul il-laqgħa, l-imsieħba soċjali pparteċipaw f’diskussjoni li matulha qasmu l-fehmiet u l-proposti tagħhom dwar is-suġġett. Huma enfasizzaw l-importanza li Malta tkompli ssaħħaħ l-ekonomija tagħha u toħloq aktar opportunitajiet għan-nies u n-negozji. Ġew diskussi wkoll temi bħat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-produttività, il-kompetittività tan-negozji, id-diversifikazzjoni tal-ekonomija Għawdxija, is-sigurtà tal-enerġija, il-kwalità tal-ħajja u l-benesseri, kif ukoll kif dawn il-prijoritajiet jistgħu jkomplu jsaħħu lill-pajjiż fil-futur. L-imsieħba qablu li rapporti regolari ta’ dan it-tip huma ta’ valur biex jappoġġjaw diskussjonijiet ibbażati fuq evidenza u biex jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi tal-futur.
Waqt it-tieni parti tal-aġenda, il-membri Maltin tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC), il-Professur Philip Von Brockdorff u s-Sur Jason Deguara, taw ukoll aġġornament lill-imsieħba soċjali dwar il-ħidma tal-Kumitat. Permezz ta’ preżentazzjoni u diskussjoni, ġew esplorati wkoll aktar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni bejn l-EESC u l-MCESD.
Ritratti:



