SEJĦA GĦAL NOMINAZZJONIJIET – Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan l-MCESD

Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) jistieden lill-Għaqdiet Volontarji kollha li ilhom irreġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji għal aktar minn sena sabiex jipparteċipaw fin-nominazzjonijiet u l-elezzjonijiet tar-rappreżentanti għall-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili fi ħdan l-MCESD.

Il-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili jiddiskuti temi ta’ relevanza għas-soċjetà u jressaq rakkomandazzjonijiet lill-Gvern.

  • Eliġibbiltà

Sabiex organizzazzjoni tkun eliġibbli biex tifforma parti mill-Kumitat, trid tkun irreġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji għal mill-inqas sena.

  • Elezzjonijiet u Votazzjoni

Wara l-proċess tan-nominazzjonijiet, isiru elezzjonijiet fis-setturi fejn jkun hemm aktar minn żewġ nominazzjonijiet.

  • Kull organizzazzjoni rreġistrata mal-MCESD għandha dritt għal vot wieħed.
  • L-organizzazzjonijiet jistgħu jivvutaw biss fis-settur rispettiv tagħhom.
  • Mhux permess li tivvota f’setturi oħra.

Il-lista attwali tal-organizzazzjonijiet irreġistrati tista’ tinstab hawnhekk: MCESD Reġistru ta’ VOs

(Il-lista bħalissa qed tiġi aġġornata hekk kif qed nirċievu reġistrazzjonijiet ġodda.)

L-elezzjonijiet huma previsti li jsiru f’Ġunju u ser isiru online. Mhux se jkun hemm bżonn ta’ preżenza fiżika.

  • Laqgħat u Responsabbiltajiet tal-Kumitat

Il-laqgħat tal-Kumitat normalment isiru darba fix-xahar, bħalissa fit-tieni Tnejn tax-xahar bejn l-4:00pm u l-5:30pm, jew fl-uffiċini tal-MCESD fil-Belt Valletta jew online.

Il-membri tal-Kumitat jidentifikaw u jipprijoritizzaw is-suġġetti għad-diskussjoni. Wara d-diskussjonijiet, jitħejjew rapporti u rakkomandazzjonijiet li jintbagħtu liċ-Chairperson tal-MCESD u lill-Ministeri, awtoritajiet jew entitajiet relevanti. Fejn meħtieġ, jistgħu jsiru wkoll laqgħat ta’ segwitu.

Iċ-Chairperson jintgħażel minn fost il-membri tal-Kumitat wara li jiġi ffurmat il-kumitat il-ġdid. Jekk ikun hemm aktar minn kandidat wieħed, issir elezzjoni. Iċ-Chairperson elett iservi wkoll bħala membru ex officio tal-MCESD.

  • Parteċipazzjoni u Impenn

Parteċipazzjoni attiva hija essenzjali biex il-Kumitat ikun effettiv. Għalhekk, il-membri huma mistennija jattendu l-laqgħat regolarment u jagħtu l-kontribut tagħhom fid-diskussjonijiet u feedback li jsiru permezz tal-email bejn laqgħa u oħra.

Aktar informazzjoni dwar il-proċeduri tal-Kumitat u r-responsabbiltajiet tal-membri eletti tinsab fl-Avviż Legali 206 ta’ 2012Avviż Legali 92 ta’ 2024

  • Reġistrazzjoni u Nominazzjonijiet

L-organizzazzjonijiet interessati jistgħu jirreġistraw u jissottomettu d-dettalji tan-nominazzjonijiet permezz tal-formola li hi accessibli hawn: Formola ta’ Reġistrazzjoni u Nominazzjoni

Alternattivament, jistgħu jibagħtu email fuq: [email protected] sabiex jingħataw aktar informazzjoni.

 

Din is-sejħa tgħalaq fis-14 ta’ Ġunju 2026.

 

Il-vuċi tal-organizzazzjoni tagħkom hija importanti u napprezzaw il-parteċipazzjoni tagħkom. Ingħaqdu magħna biex flimkien nagħmlu differenza.