Diskuss ir-Rapport ta’ Progress għal Malta fil-laqgħa tal-MCESD

Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, ippreżenta r-Rapport Annwali ta’ Progress għal Malta lill-MCESD u ħa sehem f’diskussjoni mal-membri tal-Kunsill. Peżenti wkoll l-Onor. Andy Ellul, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni.

Matul il-preżentazzjoni, il-Ministru flimkien mat-tim tiegħu pprovda ħarsa komprensiva lejn il-proġetti implimentati matul l-2025 kif ukoll lejn l-indikaturi ekonomiċi ewlenin.

Ir-rapport juri li Malta għamlet progress pożittiv f’diversi setturi, b’diversi komponenti tal-ekonomija jilħqu l-miri stabbiliti. Madankollu, l-imsieħba soċjali enfasizzaw il-ħtieġa li tkompli tingħata prijorità lill-produttività, filwaqt li saħqu fuq l-importanza li pajjiżna jkompli jinvesti fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni.

Id-diskussjoni laqtet ukoll temi oħra kruċjali, fosthom il-politika tat-taxxa, l-importanza ta’ investimenti infrastrutturali u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b’enfasi fuq kif dan għandu jkun marbut ma’ livelli ogħla ta’ produttività.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, Maria Micallef, qalet li r-rapport jipprovdi bażi soda għal diskussjoni infurmata u jikkonferma progress f’oqsma ewlenin tal-ekonomija. Hija enfasizzat li huwa essenzjali li l-investimenti jissarrfu f’żieda konkreta fil-produttività u fl-innovazzjoni, filwaqt li sostniet li l-isfida ewlenija tibqa’ dik tal-implimentazzjoni.

Hija temmet billi saħqet fuq ir-rwol kruċjali tal-MCESD bħala spazju ta’ djalogu kostruttiv u infurmat, u enfasizzat li d-diskussjonijiet għandhom iwasslu għal deċiżjonijiet konkreti li jġibu magħhom riżultati tanġibbli għall-pajjiż, b’mod partikolari fil-kuntest tal-isfidi identifikati mill-Kummissjoni Ewropea.

Ritratti: