L-MCESD jindirizza s-sigurtà u l-istabbiltà tal-enerġija fid-dawl tal-isfidi globali
L-MCESD tlaqqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja mal-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, biex jiddiskutu s-settur tal-enerġija fid-dawl tal-isfidi ġeopolitiċi attwali.
Il-laqgħa ffukat fuq l-istabbiltà fil-provvista u fil-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwil, kif ukoll fuq il-proġetti li pajjiżna qed jimplimenta biex jissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u jkompli jissaħħaħ is-settur.
L-imsieħba soċjali, li jirrappreżentaw oqsma differenti tas-soċjetà u tal-ekonomija, iddiskutew is-suġġetti mqajma u taw il-kontribut tagħhom fil-kuntest tad-djalogu soċjali u l-proċess ta’ konsultazzjoni.
Waqt il-laqgħa, il-Prim Ministru enfasizza l-importanza ta’ deċiżjonijiet li jkomplu jiggarantixxu kemm il-provvista kif ukoll l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija, filwaqt li rrefera wkoll għall-investimenti u l-politiki li qed isostnu dan is-settur.
Il-Ministru Miriam Dalli rrimarkat li l-istabbiltà fil-prezz u fil-provvista tibqa’ pilastru ewlieni tal-politika enerġetika nazzjonali, filwaqt li enfasizzat ukoll il-ħidma li qed issir biex jitkompla l-investiment u t-tranżizzjoni lejn enerġija aktar sostenibbli.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul saħaq fuq l-importanza tad-djalogu soċjali, filwaqt li nnota kif laqgħat bħal dawn joffru spazju fejn l-imsieħba soċjali jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar suġġetti li jaffettwaw il-ġejjieni tal-pajjiż.
Il-membri tal-MCESD ingħataw ukoll preżentazzjoni dwar il-pjanijiet u l-iżviluppi fis-settur tal-enerġija minn rappreżentanti ta’ entitajiet ewlenin.
Ritratti







