L-MCESD Jiddiskuti l-Preparazzjoni Nazzjonali Quddiem Sfidi Klimatiċi
L-MCESD iddiskuta s-suġġett ta’ Disaster Preparedness and Emergency Coordination fuq proposta tal-MHRA. Id-diskussjoni saret wara l-esperjenza tal-maltempata ‘Harry’ u fid-dawl tal-isfidi klimatiċi dejjem jiżdiedu li jistgħu jħallu impatt fuq il-pajjiż, bil-għan li jissaħħaħ il-livell ta’ preparazzjoni u koordinazzjoni nazzjonali.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu u l-Akkomodazzjoni Soċjali, Dr Andy Ellul, innota kif l-imsieħba soċjali tkellmu b’mod pożittiv dwar il-preparazzjoni tal-entitajiet u tal-ħaddiema tagħhom waqt il-maltempata ‘Harry’.
L-Onor. Ellul spjega li matul il-laqgħa kien hemm ukoll tekniċi minn diversi entitajiet tal-Gvern li spjegaw il-proċeduri u l-liġijiet eżistenti relatati ma’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, kif ukoll il-ħidma li għaddejja biex dawn il-miżuri jkomplu jissaħħu. Huwa sostna li bħala Kunsill ingħata serħan il-moħħ dwar il-livell ta’ preparazzjoni tal-pajjiż u dwar ir-rieda tal-imsieħba soċjali li jkomplu jikkoperaw mill-qrib mal-Gvern sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza nazzjonali.
L-MHRA nnutat li, filwaqt li r-reazzjoni tal-entitajiet konċernati kienet sodisfaċenti, it-tħejjija għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza għandha titqies bħala responsabbiltà kollettiva. Matul il-laqgħa ġew diskussi diversi sfidi minn perspettivi differenti, filwaqt li entitajiet preżentaw il-pjanijiet u l-miżuri tagħhom sabiex tkompli tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiż.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, Maria Micallef, tkellmet kif il-laqgħa, li ġabret flimkien lill-imsieħba soċjali, il-Gvern u l-entitajiet pubbliċi, serviet biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni u l-għarfien dwar il-miżuri li qed jittieħdu sabiex pajjiżna jibqa’ preparat.
Enfasizzat li t-tħejjija għandha tibqa’ proċess kontinwu, imsaħħaħ permezz ta’ diskussjoni u feedback regolari bejn l-imsieħba soċjali u dawk kollha konċernati.
L-MCESD ser ikompli jżomm djalogu miftuħ mal-awtoritajiet kompetenti u jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fejn meħtieġ. Dan sabiex tkompli tissaħħaħ il-koordinazzjoni u r-reżiljenza tal-pjanijiet ta’ kontinġenza.
Ritratti:





