L-MCESD Jiltaqa’ mal-Isqfijiet Maltin għal Djalogu fuq kif tista’ Titjieb il-Qagħda tas-Soċjetà Maltija.
L-Isqfijiet ta’ Malta ltaqgħu mal-Imsieħba Soċjali tal-MCESD u ddiskutew l-ekonomija u l-qagħda tas-soċjetà Maltija sabiex isir titjieb fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Il-laqgħa, ippreseduta miċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, saret fil-Kurja tal-Arċisqof bil-parteċipazzjoni tal-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul, flimkien ma’ membri tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi.
Fil-laqgħa, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi spjegat li l-irwol tagħha hu li tgħin fl-iżvilupp tal-kuxjenza soċjali tal-pajjiż permezz tat-tagħlim soċjali tal-Knisja. Il-President tal-Kummissjoni, Daniel Darmanin, semma kif f’dawn l-aħħar snin il-Kummissjoni ħadmet fuq proġetti bħal ‘Beyond GDP’, li jitratta s-sostenibbiltà ambjentali kif ukoll fuq ir-riċerka ‘Ejja Ejja Culture’ li kienet fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni f’pajjiżna. Huwa tkellem ukoll dwar kwistjonijiet li jolqtu direttament liċ-ċittadini, fosthom id-dħul finanzjarju, l-affordabbiltà tad-djar, il-kwalità tal-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni. Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tenniet l-impenn tagħha sabiex f’isem il-Knisja taħdem mal-imsieħba soċjali u entitajiet governattivi u jiġu indirizzati dawn l-isfidi.
L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li min imexxi u jdawwar l-ekonomija tal-pajjiż għandu r-responsabbiltà jaħdem għal oġġettivi li jħarsu fit-tul biex jipproteġu l-ġenerazzjonijiet li ġejjin. “Bħala pajjiż ikkonfermajna l-għażla, għalkemm kontra l-kurrenti kollha attwali, li nirrispettaw il-ħajja tal-bniedem mill-bidu nett, mit-tnissil. B’din id-deċiżjoni qed ngħidu lill-ġenerazzjonijiet futuri tagħna li huma milqugħin u li se jikbru f’ambjent li jilqagħhom u jipproteġihom. Dan hu kontribut importanti tas-soċjetà tagħna, u turija ċara tal-valur tal-ħniena mal-proxxmu tagħna.”
Fakkar ukoll li l-Istat mhuwiex magħmul mill-partit politiku li qed jiggverna iżda miċ-ċittadini kollha. “Irridu niżviluppaw iżjed dak li t-Taljani jsejħulu ‘il senso dello stato’ għaliex bħala poplu għad għandna mentalità kolonjali fl-imġiba tagħna ma’ xulxin.”
L-Arċisqof appella wkoll sabiex fid-deċiżjonijiet tagħna ma ninsewx fil-barranin li qed jgħixu f’Malta, li m’għandhomx ikunu ċittadini tat-tieni klassi. Saħaq li hu d-dover tagħna nirrikonoxxu l-kontribut siewi li qed jagħtu lill-pajjiż u nilqgħuhom fis-soċjetà tagħna. Il-Knisja f’Malta, qal l-Arċisqof, qed tagħmel ħilitha biex permezz tas-saċerdoti u l-persuni lajċi tkun preżenti mal-komunitajiet barranin, b’mod partikolari mal-Insara li qed jgħixu magħna.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul wera s-sodisfazzjon tiegħu għat-tema li ġiet diskussa waqt din il-laqgħa tal-MCESD li trattat, fost l-oħrajn, id-dinjità tal-ħaddiema. L-Onor. Ellul tenna li d-djalogu soċjali jista’ jwassal biex, b’mod konkret, kif diġà qed isir, tinħoloq bidla fil-ħajja tan-nies. Huwa semma kif bl-introduzzjoni tal-liġi li tirregola l-ħaddiema tal-platform work, ingħataw dinjità b’kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar u pagi iktar diċenti. L-Onor. Ellul semma wkoll li bis-saħħa ta’ politika ta’ persważjoni, intlaħaq ftehim storiku li permezz tiegħu żdiedet il-paga minimina b’€21 fil-ġimgħa. Ellul spegja wkoll li l-liġi tat-temping agencies se tkun ukoll qed tagħti dinjità lill-ħaddiema li jaħdmu mal-aġenziji tax-xogħol, kemm Maltin kif ukoll barranin.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul saħaq li: “Imiss issa li nħares ’il quddiem biex nara l-kunċett ta’ ‘equal pay for work of equal value’ jidħol fis-seħħ, fejn ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol jibdew jitħallsu għall-istess xogħol, daqs ħaddiema li jkunu impjegati mal-kumpanija fejn ikun qiegħed isir ix-xogħol”. Huwa nnota b’sodisfazzjon li l-Knisja f’Malta taqbel ma’ dan il-kunċett, li żgur se jkun qed isaħħaħ id-dinjità tal-ħaddiema.
L-Imsieħba Soċjali laqgħu dawn l-inizjattivi u enfasizzaw l-importanza ta’ politiki inklużivi li jibbenefikaw minnhom is-setturi kollha tas-soċjetà. Id-diskussjonijiet tal-Imsieħba Soċjali inkludew sfidi bħall-affordabbiltà tad-djar, l-inflazzjoni, it-tkabbir tal-popolazzjoni, il-preservazzjoni tal-valuri tal-familja, l-etika tax-xogħol u iktar sigurtà u infurzar fil-pajjiż. Il-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili indirizza sfidi tas-soċjetà inklużi kwistjonijiet relatati mad-droga, filwaqt li l-Kumitat Reġjonali għal Għawdex enfasizza tħassib speċifiku li jaffettwa l-Għawdex, bħall-konservazzjoni ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli.
L-MCESD enfasizza li l-Arċidjoċesi ta’ Malta għandha rwol importanti ferm fit-trawwim tad-djalogu soċjali. Il-ħidma tal-MCESD permezz tad-djalogu kontinwu mal-Knisja u mal-entitajiet tagħha huma meqjusa essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiżna, u jiġi żgurat il-ħarsien tal-ġenerazzjonijiet futuri permezz ta’ politiki u żvilupp sostenibbli.
- Tista taċċessa l-Preżentazzjoni mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi minn hawnhekk.
Ritratti: