L-Imsieħba Soċjali tal-MCESD ġew Mistiedna biex Jiddiskutu Suġġetti Importanti fil-Kummissjoni Ewropea fi Brussell

Il-Kunsill tal-MCESD ġie mistieden fi Brussell, mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, biex jiltaqa’ ma’ entitajiet rilevanti li jikkumplimentaw il-ħidma tal-Kunsill. Din iż-żjara ġiet ippjanata b’mod speċifiku għall-imsieħba soċjali Maltin biex jiddiskutu suġġetti importanti flimkien ma’ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell.

L-imsieħba soċjali pparteċipaw b’mod attiv fid-diskussjonijiet fejn qiesu li kemm it-tħassib u l-interessi tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem ikunu espressi u diskussi. Huma tkellmu favur kompetizzjoni ġusta, l-innovazzjoni, u l-benefiċċju tal-konsumatur. L-imsieħba soċjali kisbu għarfien siewi dwar il-politiki tal-kompetizzjoni, il-patt ekoloġiku,  is-semestru u l-fondi tal-UE, id-diġitalizzazzjoni u l-inklussività. Id-diskussjonijiet kienu ta’ ġid għall-imsieħba soċjali biex ikomplu joffru l-aqwa rakkomandazzjonijiet lill-Gvern Malti, għal ekonomija aktar sostenibbli u reżiljenti b’futur iktar sensittiv għall-klima.

Il-Kunsill tal-MCESD iltaqa’ wkoll  mas-Sur Antoine Kasel, il-Kap tal-Kabinett tal-Kummissarju Nicholas Schmit, fejn iddiskutew l-impjiegi u d-drittijiet soċjali. Permezz ta’ djalogu kostruttiv, l-MCESD saħħaħ iktar il-kollaorazzjoni tiegħu u saħaq li t-tħassib u l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema u s-soċjetà inġenerali tingħata l-prijorità dovuta.

L-MCESD ġie milqugħ f’Dar Malta fi Brussell mir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea, l-Amb. Marlene Bonnici, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Belġju u l-Lussemburgu, Clint Tanti, flimkien mat-tim ta’ Dar Malta. Waqt din il-laqgħa, l-MCESD ġie mfaħħar għas-sinifikat u l-ħidma tiegħu f’oqsma ta’ interessi ekonomiċi u soċjali għal Malta. L-MCESD apprezza wkoll li r-Rappreżentanza offriet li tassisti u tikkollabora bi sħieħ mal-Imsieħba Soċjali kollha tagħna.

Barra minn hekk, l-imsieħba soċjali ġew mistiedna għal diskussjonijiet fl-uffiċċini prinċipali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-KESE. Peress li L-MCESD huwa affiljat tal-KESE, l-Imsieħba pparteċipaw f’diskussjonijiet ta’ importanza ekonomika u soċjali flimkien mal-President Oliver Röpke u membri oħra tal-KESE. Fid-dawl tal-inċertezzi li joħorġu minn diversi sfidi globali u Ewropej l-MCESD enfasizza l-irwol kruċjali tal-UE li għandha  tiggwida sew lill-Istati Membri tagħha bl-isfidi li għaddejjin bħalissa u dwar dawk li mistennija naffaċċjaw fil-futur.

Iż-żjara tal-Kunsill tal-MCESD fi Brussell, organizzata mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, kienet ta’ opportunità unika għall-imsieħba soċjali Maltin biex jesprimu l-perspettivi tagħhom u jiksbu għarfien dirett patikolarment f’oqsma ekonomiċi u soċjali.

Ritratti: