L-MCESD Jiddiskuti l-Isfidi tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet fis-Settur Marittimu.
Waqt laqgħa tal-MCESD fuq proposta mill-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, l-MEA, ġie kkunsidrat u diskuss l-impatt potenzjali tal-Emission Trading System (ETS) tal-UE fuq l-ekonomija u l-kompetittività ta’ pajjiżna. L-għan ta’ din l-iskema hu li tirregola u tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet minn attivitajiet marittimi u jista’ jkollha effetti sinifikanti fuq is-settur marittimu, speċjalment fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-UE tal-Mediterran. Dan is-suġġett huwa ta’ importanza kbira għal Malta u ġie diskuss mill-imsieħba soċjali tal-MCESD, minħabba r-ramifikazzjonijiet potenzjali kemm għall-Port Ħieles ta’ Malta kif ukoll l-effetti tiegħu fuq diversi setturi tal-ekonomija, fosthom il-manifattura u l-loġistika.
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura, u Proġetti Kapitali, l-Onor. Aaron Farrugia, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul; u rappreżentanti mill-Malta Freeport u l-Malta Maritime Forum (MMF) attendew għal-laqgħa.
Il-Ministru Farrugia ta aġġornament lill-imsieħba soċjali dwar l-aħħar żviluppi fis-settur marittimu. Huwa nnota d-diskussjonijiet Ewropej li għaddejjin u l-implimentazzjoni li jmiss tal-iskema ETS, li se taffettwa diversi pajjiżi, inkluż Malta, li mistennija tidħol fis-seħħ f’Jannar 2024. Iddiskuta l-pożizzjoni ta’ Malta u d-diskussjonijiet li għaddejjin fuq livell Ewropew, filwaqt li enfasizza l-kooperazzjoni bejn il-gvern Malti u l-pajjiżi affetwati Ewropej bħall-Portugall, Spanja, l-Italja, il-Greċja, u Ċipru.
Ir-rappreżentanti tal-MMF irrimarkaw li filwaqt li l-European Shipowners’ Association tappoġġja t-tnaqqis tal-emissjonijiet permezz tat-teknoloġija, l-ETS tista’ taffettwa lill-kumpaniji tal-bastimenti tal-merkanzija li jidħlu f’portijiet Ewropej bħal Malta. Bħala riżultat, dawn il-kumpaniji jistgħu jibdew jidderieġu mill-ġdid lejn portijiet Afrikani viċin li reċentement għamlu investimenti sostanzjali ta’ titjib fit-terminals tagħhom. Ġew diskussi l-isfidi maħluqa minn bidliet fir-rotot tal-vapuri tal-merkanzija u l-implikazzjonijiet ekonomiċi tagħhom kemm għas-settur marittimu kif ukoll għall-ekonomija nazzjonali. L-imsieħba soċjali kkunsidraw diversi sfidi li jistgħu jinqalgħu jekk il-merkanzija tinbidel lejn portijiet Afrikani. fil-laqgħa ġie diskuss ukoll li l-Port Ħieles Malti bħalissa jimmaniġġja madwar 3 miljun container fis-sena u għandu konnessjonijiet ma’ 160 port internazzjonali fuq bażi ta’ kull ġimgħa.
Kompla jiġi spjegat kif servizzi minn produtturi ewlenin fil-Lvant Imbiegħed, bħal Ħong Kong, Singapore, u ċ-Ċina, li bħalissa jagħżlu l-port Malti bħala l-ewwel port tad-dħul tagħhom fl-UE minħabba l-prossimità u ħinijiet ta’ transitu effiċjenti, taħt l-Iskema ETS, jista’ jkollhom impatt fuq din il-preferenza minħabba li l-operaturi jistgħu jiddevjaw ir-rotot tagħhom lejn portijiet tal-Afrika ta’ Fuq.
L-imsieħba soċjali esprimew it-tħassib tagħhom dwar din l-isfida filwaqt li urew l-appoġġ għad-diskussjonijiet bejn il-gvern, il-Malta Freeport, u l-MMF mal-UE dwar l-isfidi u l-impatti fuq pajjiżna. Waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin li tqajmu kienet l-assigurazzjoni ta’ futur sigur għall-ħaddiema impjegati fil-Port il-Ħieles u l-importanza tal-konnettività li għandha Malta.
L-imsieħba soċjali enfasizzaw ukoll il-kwistjonijiet urġenti dwar il-fjuwil tal-avjazzjoni u l-importanza li titmexxa b’mod tajjeb u serju l-kumpanija nazzjonali l-ġdida tal-ajru. Huma rrikonoxxew li l-linja l-ġdida tal-ajru tista’ potenzjalment ittaffi xi ftit mill-isfidi li jiffaċċjaw in-negozji fis-settur tas-servizzi f’termini ta’ loġistika.
L-MCESD jiddeskrivi din il-laqgħa bħala importanti għall-futur ta’ Malta, peress li tantiċipa li jkollha implikazzjonijiet mhux biss għall-ħaddiema u n-negozji iżda wkoll għas-soċjetà kollha kemm hi. Dan huwa partikolarment kruċjali meta wieħed iqis li pajjiżna jiddependi fuq l-importazzjoni ta’ prodotti u materja prima minn pajjiżi oħra. L-MCESD se jkompli jissorvelja s-sitwazzjoni u jikkollabora mal-Gvern u l-awtoritajiet rilevanti biex jimminimizza l-impatti ekonomiċi u soċjali filwaqt li jindirizza l-isfidi tat-tibdil fil-klima.
Tista’ taċċessa l-preżentazzjoni minn hawn.