L-Imsieħba Soċjali tal-MCESD ġew mgħarrfa bit-Tisħiħ Kurrenti u Ppjanat tas-Sistema tad-Distribuzzjoni tal-Enerġija ta’ Malta.

Fis-7 ta’ Diċembru, il-Kunsill tal-MCESD iltaqa’ mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, l-Onor. Miriam Dalli, u ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta Plc., l-Inġ. Ryan Fava. Dan sabiex l-imsieħba soċjali jkunu aġġornati dwar il-pjanijiet tekniċi u ta’ investiment li huma mmirati biex isaħħu l-infrastruttura tal-elettriku f’Malta u Għawdex.

Il-Ministru Dalli rreferiet għar-rakkomandazzjonijiet dettaljati kollha li saru mill-MCESD fil-laqgħa ta’ Lulju 2023, fejn kienet saret enfasi fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-enerġija tal-pajjiż u l-infrastruttura nazzjonali fl-isfont tal-qtugħ tal-enerġija madwar il-pajjiż, f’dak iż-żmien.

Il-preżentazzjoni tal-Ministru u l-Enemalta ddettaljaw pjan ta’ azzjoni ta’ 6 xhur u kunsiderazzjonijiet ta’ medium to long term. 70 kilometru ta’ cables ta’ vultaġġ medju fis-6 xhur li ġejjin, ġew ikkonfermati lill-MCESD, bħala parti mill-pjan ta’ €55 miljun għas-sena 2024. Barra minn hekk, hija ppjanata kapaċità temporanja ta’ ġenerazzjoni standby ta’ 60 Mega Watt biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista waqt emerġenzi, sakemm jiġu introdotti sorsi oħra ta’ enerġija nadifa li qed jiġu ppjanati mill-Gvern fis-snin li ġejjin.

L-MCESD apprezza t-task force kollaborattiv tal-Enemalta hekk kif mistenni jtejjeb il-koordinazzjoni tax-xogħol u jnaqqas l-inkonvenjent għas-soċjetà. Għal dan il-għan, l-MCESD juri l-appoġġ tiegħu lill-Enemalta.

L-imsieħba soċjali apprezzaw l-ispjegazzjonijiet u l-impenji dettaljati, filwaqt li enfasizzaw l-importanza tat-trasparenza u l-effiċjenza fil-proċessi li għandhom x’jaqsmu ma’ procurement u implimentazzjoni. Il-laqgħa ddettaljat ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effiċjenza fl-enerġija nazzjonali, kif ukoll li din tiġi appoġġjata bi ippjanar nazzjonali għat-tul.

Il-Kunsill tal-MCESD laqa’, b’mod pożittiv, il-laqgħa mal-Ministru Dalli u mal-Enemalta. L-MCESD irrikonoxxa l-isforzi li għaddejjin biex tiġi indirizzata l-ħtieġa nazzjonali tat-tisħiħ tan-netwerk tad-distribuzzjoni tal-enerġija fil-pajjiż. Iż-żewġ partijiet wegħdu li, sal-perjodu li jwassal għas-sajf tal-2024, ser jiltaqgħu b’mod regolari.

Tista’ taċċessa l-preżentazzjoni minn hawn.