Ippreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għal Malta lill-MCESD

Il-Ministeru għall-Finanzi ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma lill-MCESD bil-parteċipazzjoni tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul.

Il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma jiddetalja politiki speċifiċi li kull pajjiż membru stat tal-UE se jimplimenta biex jissaħħu l-impjiegi u t-tkabbir filwaqt li jiġu evitati l-iżbilanċi makroekonomiċi. Dan il-Programm jiddeskrivi wkoll kif l-istati membri qed jippjanaw li jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u mar-regoli fiskali ġenerali.

Il-Ministeru għall-Finanzi ta preżentazzjoni lill-imsieħba soċjali dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma 2024. Dan il-pjan komprensiv jistabbilixxi l-viżjoni u l-istrateġija tal-Gvern f’diversi oqsma fosthom; l-ambjent, il-produttività, il-ġustizzja, il-governanza, l-istabbilità ekonomika u t-tassazzjoni.

Iċ-Chairman tal-MCESD, il-Perit David Xuereb spjega kif is-suġġett li ġie diskuss, jipprovdi qafas għar-riformi prijoritizzati li jrid iwettaq il-pajjiż sabiex jadatta għal żviluppi, sfidi u  opportunitajiet futuri.  Iċ-Chairman enfasizza li l-bidliet meħtieġa mhumiex żgħar, iżda t-trasformazzjoni hija obbligatorja speċjalment jekk tkun imsaħħa b’viżjoni strateġika nazzjonali.

Fl-isfont ta’ dan, l-imsieħba soċjali ipparteċipaw b’mod attiv f’diskussjoni fejn ippreżentaw opinjonijiet utli u proposti tanġibbli lill-Gvern, b’appoġġ għar-riformi li għandhom jiġu implimentati għall-ġid tas-soċjetà. Huma tkellmu fuq ir-realtajiet ekonomiċi internazzjonali u nazzjonali, fejn saħqu dwar l-effetti li dawn ir-realtajiet ekonomiċi iħallu fuq l-ippjanar u t-trasformazzjoni tan-negozji tagħna.

Filwaqt li rrikonoxxew l-importanza tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali, l-imsieħba soċjali huma favur progress ibbilanċjat u f’waqtu, imsaħħaħ minn tranżizzjonijiet diġitali u b’ħiliet neċessarji. Barra minn hekk, enfasizzaw il-ħtieġa għal iktar inizjattivi biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku. Saħqu li għandu jiġi promoss iktar it-trasport sostenibbli u li għandha tonqos id-dipendenza fuq l-enerġija u l-bini. L-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja ġiet enfasizzata wkoll mill-imsieħba soċjali. Dan huwa rwol kruċjali biex inżommu ekonomija sostenibbli. Barra minn hekk, l-MCESD enfasizza l-importanza tal-awtonomija strateġika għall-UE, u saħaq fuq il-ħtieġa għall-awtonomija fost l-isfidi globali li jolqtu l-ekonomija.

Ritratti: