Il-Kunsill tal-MCESD jindirizza l-permessi ta’ Ħaddiema Barranin ta’ Kwalità, Liġi dwar l-Impjiegi, Aġenziji tat-Temping, u Public-Private Partnerships

Matul it-tieni laqgħa tal-Kunsill tal-MCESD għal din is-sena, l-imsieħba soċjali pprovdew ir-reazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar l-aġenda diskussa li kienet waħda ta’ prijorità. Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul stqarr, “Din il-laqgħa tirrappreżenta l-ogħla livell ta’ Djalogu Soċjali u koordinazzjoni kontinwa bejn l-imsieħba soċjali u l-gvern, li trawwem ambjent li jwassal għas-simplifikazzjoni tal-proċessi fi ħdan il-qasam dinamiku tas-settur tax-xogħol.”

L-ewwel parti tal-laqgħa ffukat fuq il-proċess aġġornat tal-ingaġġ ta’ ħaddiema barranin minn barra l-Ewropa, sabiex jiġi żgurat li l-kwalità u l-ħiliet tagħhom, jirriflettu għall-ħtieġa ta’ pajjiżna. Biex tgħarraf lill-imsieħba soċjali dwar din il-ħtieġa nazzjonali, l-MCESD laqa’ lill-Kurunell Mark Mallia, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identitá, flimkien mal-Onor. Byron Camilleri, il-Ministru għall-Intern, Sigurtà, Riformi, u Ugwaljanza, l-Onor. Andy Ellul, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u s-Sinjura Diane Vella Muscat, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER).

L-għan kien li l-imsieħba soċjali jiġu infurmati u aġġornati dwar il-proċeduri mġedda u rigorużi qabel ma jiġu aċċettati ħaddiema barranin, magħrufa bħala TCNs, biex isiru parti mill-ekonomija nazzjonali. Fil-preżentazzjoni li ta l-Kurunell Mark Mallia lill-Kunsill tal-MCESD, huwa tkellem dwar l-isforzi tal-Aġenzija biex tissimplifika l-proċess tal-applikazzjoni tal-permessi għall-ħaddiema barranin, bil-għan li jiġu attirati professjonisti ta’ kwalità għolja. Ġew enfasizzati l-isforzi kollaborattivi mal-Pulizija ta’ Malta li jagħmel due diligence dovuta għas-sigurtà nazzjonali u pubblika u ma’ Jobs Plus għall-kontroll u moniteraġġ fuq is-suq tax-xogħol. Ġew spjegati skill cards prospettivi għas-settur tal-ospitalità u qafas regolatorju aktar strett għall-ħaddiema barranin li jsuqu karozzi Y-plate.

Is-Sinjura Diane Vella Muscat, id-Direttur Ġenerali tad-DIER, ippreżentat informazzjoni dwar ir-regolamenti tal-Aġenziji tal-Impjieg (Temping Agencies). Dawn ir-regolamenti u l-istandards ta’ kwalità, li qabel kienu assenti, għandhom iġibu bidliet sinifikanti. Is-Sinjura Vella Muscat spjegat ir-raġunament wara dawn ir-regolamenti, lil hinn mid-direttivi tal-UE biex jiġi stabbilit pjan ħolistiku li jissalvagwardja l-impjiegi u l-aġenzija tat-temping. Il-leġiżlazzjoni tistandardizza u tirregola l-operazzjonijiet tal-aġenzija, u tiżgura prattiki ta’ reklutaġġ etiċi u approċċ ta’ tolleranza żero għall-isfruttament tal-ħaddiema. Bi standards u pieni rigorużi, l-għan ewlieni huwa li nipproteġu lill-ħaddiema, nsaħħu t-tlaqqigħ bejn dawk li qed ifittxu xogħol u postijiet vakanti, u nikkontribwixxu għal prosperità ekonomika sostenibbli. L-irwol tal-imsieħba soċjali huwa kruċjali kemm permezz tat-tixrid tal-informazzjoni lill-membri tagħhom u anke sabiex l-implimentazzjoni ta’ tali liġijiet ikunu iktar effettivi u ta’ kwalità, spjegat id-Direttur Ġenerali.

Meta għamlu rakkomandazzjonijiet għal titjib essenzjali biex jattiraw ħaddiema ta’ kwalità u ta’ talent biex jipparteċipaw fl-ekonomija nazzjonali, l-imsieħba soċjali mhux biss irrakkomandaw titjib meħtieġ, iżda rrikonoxxew ukoll l-irwol li għandhom kemm l-Aġenzija Identità kif ukoll id-DIER.

Fit-tieni parti tal-laqgħa, l-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ġie milqugħ fl-MCESD. Wara studju intensiv tal-avvenimenti kemm f’pajjiżna kif ukoll barra, l-enfasi kienet fuq rakkomandazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ public-private partnersips, li jgħaqqdu l-investiment privat u l-assi tal-gvern biex joffru opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Id-diskussjoni kienet tinkludi analiżi ta’ prattiki tajba, oqsma għal titjib u lezzjonijiet meħuda minn prattiċi barra minn Malta. Ġew ifformulati rakkomandazzjonijiet għall-evalwazzjoni ta’opportunitajiet li joħorġu minn kollaborazzjonijiet bejn il-privat u l-gvern biex jiġi żgurat li l-flus tal-poplu jintużaw bl-aħjar mod possibbli għall-benefiċċju tas-soċjetà u l-ekonomija.

  • Aċċessa l-preżentazzjoni tal-Aġenzija Identitá minn hawn:
  • Aċċessa l-preżentazzjoni tad-DIER minn hawn:
  • Aċċessa l-preżentazzjoni tal-NAO minn hawn:

Ritratti: