Il-Kunsill tal-MCESD Jiddiskuti l-Prinċipji ESG għall-Ekonomija Newtrali għall-Karbonju

Fl-aħħar laqgħa tal-MCESD, l-imsieħba soċjali qiesu l-ESG (magħrufa aħjar bit-terminu bl-Ingliż ‘Environmental, Social, and Governance) bħala għodda għat-trasformazzjoni ekonomika u soċjali. Waqt il-laqgħa, il-Ministru Miriam Dalli, Ministru għall-Ambjent, Enerġija, u Intrapriża, saħqet li qed jinkisbu riżultati u opportunitajiet tanġibbli minn negozji li jieħdu din il-kwistjoni bis-serjetà, u jirrealizzaw tranżizzjoni inevitabbli lejn ekonomija soċjalment ġusta u newtrali fil-karbonju, li topera fi ħdan qafas ta’ governanza tajba. Sabiex jinkiseb momentum nazzjonali f’din it-tranżizzjoni, għalhekk, djalogu miftuħ mal-imsieħba soċjali fl-MCESD kien vitali, saħqet il-Ministru Dalli.

Il-Malta ESG Alliance (MESGA) iddettaljat l-ambitu u l-għanijiet tal-alleanza, bil-għan li tgħaqqad flimkien organizzazzjonijiet immexxija u li għandhom l-istess ħsieb biex jikkollaboraw, jitgħallmu minn xulxin, u jissuġġerixxu bidla f’oqsma ta’ prijorità kollettivi magħżula fl-ESG. Saret enfasi fuq l-importanza ta’ kejl u rappurtar regolari tal-progress fuq inizjattivi b’mod kredibbli, tanġibbli u kwantifikabbli. Ir-responsabbiltà u t-trasparenza huma essenzjali u b’dan il-mod is-sodisfazzjon tal-klijent tista’ titkejjel, it-talent ikun assigurat, il-valur tal-azzjonisti jitjieb, u opportunitajiet ġodda ta’ negozju żviluppati fl-interess tal-iżvilupp uman b’mod riġenerattiv u distributtiv.

Il-preżentazzjoni tal-Malta ESG Alliance tista’ tiġi aċċessata minn hawnhekk.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Dr Andy Ellul enfasizza l-importanza li jiġu mħaddna l-prinċipji tal-ESG, mhux biss biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà futura iżda wkoll biex tingħata spinta lill-prosperità ekonomika. Spjega li l-ħidma tas-Segretarju Parlamentari fil-kultivazzjoni tal-prinċipji tal-ESG f’Malta diġà għaddejja, inklużi inizjattivi bħat-twaqqif tal-Kummissjoni tal-Pagi Baxxi u r-regoli għall-platform workers. Dawn huma mmirati biex jiżguraw li t-tkabbir ekonomiku jkun għall-benefiċċju ta’ kulħadd, filwaqt li jipproteġu gruppi vulnerabbli fi ħdan is-soċjetà. Matul is-snin li ġejjin, il-gvern se jkompli jkun proattiv biex in-negozji Maltin ikunu mgħammra tajjeb biex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mid-diversi Direttivi tal-UE relatati mal-ESG li se jidħlu fis-seħħ.