L-MCESD Jiddiskuti d-Direttiva CSRD u l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Ħiliet.

Fl-ewwel parti tal-laqgħa tal-MCESD, rappreżentanti mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA u mir-Reġistru Kummerċjali ta’ Malt, l-MBR, ippreżentaw il-Corporate Sustainability Reporting Directive (CSRD) il-ġdida u l-impatt tagħha fuq l-intrapriżi u l-ekonomija. Is-CSRD hija direttiva importanti li timmira biex ittejjeb it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-kumpaniji dwar il-prestazzjoni tagħhom fis-sostenibbiltà, li jagħmilha suġġett importanti għal diskussjoni fil-MCESD. Is-Sur Ryan Borg mill-MFSA iddettalja l-għanijiet, l-ambitu, u l-implimentazzjoni f’fażijiet tas-CSRD, u pprovda lill-Imsieħba Soċjali b’għarfien siewi dwar ir-rekwiżiti l-ġodda tal-iżvelar tas-sostenibbiltà u l-implikazzjonijiet tagħhom għan-negozji tal-UE.

Il-membri tal-MCESD ippreżentaw il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom. Huma ffukaw fuq l-impatt tad-direttiva fuq kumpaniji elenkati u entitajiet kbar oħra, u talbu iktar ċarezza dwar ir-rekwiżiti ta’ konformità u ż-żieda fil-valur tad-direttiva għall-kumpaniji. Enfasizzaw ukoll fuq l-importanza li wieħed jifhem kif id-direttiva se taffetwa l-operat.

Matul it-tieni parti tal-laqgħa, iċ-Chairman Eżekuttiv Jeffrey Pullicino Orlando u Ruth De Brincat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet (NSC) enfasizzaw l-impenn tal-Kunsill għal aġenda tal-ħiliet ibbażata fuq l-evidenza. Huma ħabbru t-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Ħiliet fl-2025, li tiffoka fuq il-ħiliet diġitali u l-ekonomija ekoloġika biex tħejji ż-żgħażagħ għall-futur.

L-Imsieħba Soċjali enfasizzaw il-ħtieġa għal tagħlim tul il-ħajja, appoġġjat minn inċentivi tal-gvern u impjegati iktar motivati. Huma qalu wkoll li l-interpretazzjoni tad-data u l-ħiliet tal-komunikazzjoni għaż-żgħażagħ huma kruċjali, u enfasizzaw il-ħtieġa ta’ tbassir tal-ħiliet, filwaqt li nnutaw l-importanza ugwali tal-ħiliet mill-MCAST u l-Università.

“Id-diskussjonijiet tal-lum jenfasizzaw l-importanza tal-istrateġiji ekonomiċi tagħna mas-suq tax-xogħol li dejjem qed jevolvi,” qal il-Perit David Xuereb, Chairperson tal-MCESD. “Is-CSRD u l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Ħiliet huma passi kruċjali lejn il-preparazzjoni tal-forza tax-xogħol tagħna għal sfidi futuri u t-tmexxija ta’ tkabbir sostenibbli. L-MCESD jiffaċilita kollaborazzjoni essenzjali bejn Min ħaddem, il-Unjins u l-Gvern biex trawwem it-tagħlim tul il-ħajja u l-versatilità.”

Preżenti għal-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, l-Onor. Clifton Grima, u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul.

 

  • Aċċessa l-preżentazzjoni dwar ir-Rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà – CSRD, minn hawnhekk.
  • Aċċessa l-preżentazzjoni dwar il-Prijoritizzazzjoni ta’ Aġenda tal-Ħiliet Ibbażata fuq l-Evidenza, minn hawnhekk.

 

Ritratti: