Diskuss il-programm Nazzjonali ta’ Riforma 2023 għal Malta mal-Imsieħba Soċjali

F’laqgħa tal-MCESD, il-Ministeru għall-Finanzi u l-Impjieg, ippreżenta l-programm Nazzjonali ta’ Riforma tas-sena 2023 għal pajjiżna.

F’dan ir-rapport il-membri Ewropej kollha jirrappurtaw il-miżuri kollha li qed jiġu implimentati u li qed jiġu ppjanati li jiġu implimentati biex jiżdiedu l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku flimkien ma’ pjanijiet biex jiġu evitati u korretti l-iżbilanċi makroekonomiċi. Dan id-dokument jiddeskrivi wkoll kif l-istati membri qed jippjanaw li jirrispettaw ir-regolamenti Fiskali tal-UE u jirrappurtaw ukoll dwar il-progress li sar fuq ir-rakkomandazzjonijiet deskritti lill-pajjiżi membri.

L-imsieħba soċjali ingħataw preżentazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma 2023 mill-Ministeru għall-Finanzi u l-Impjieg. Ġie spjegat kif dan il-pjan komprensiv jistabbilixxi l-viżjoni u l-istrateġija tal-Gvern f’diversi oqsma fosthom; l-ambjent, il-produttività, il-ġustizzja, il-governanza, l-istabbilità ekonomika u t-tassazzjoni.

Tista’ taċċessa l-preżentazzjoni minn hawn.

Fl-indirizz tiegħu, l-Onor. Clyde Caruana, il-Ministru għall-Finanzi u l-Impjieg, spjega wkoll diversi aspetti li qed jiġu diskussi bħalissa fil-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea, l-ECOFIN, primarjament; it-twaqqif tal-General Escape Clause fiskali fl-aħħar ta’ din is-sena, l-isfidi tal-enerġija u r-riperkussjonijiet tal-Gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna u l-investiment li jrid isir fl-enerġija rinovabbli.

l-Onor. Andy Ellul, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali tkellem kif dan il-programm nazzjoanli huwa riflessjoni ta’ fejn dak li rnexxielu jiżviluppa pajjiżna u fejn iridu jmorru l-għanijiet futuri tal-pajjiż. Huwa spjega kif din is-sena, dan ir-rapport għall-pajjizi membri ser jintrabat ukoll mal-Fond ta’ Rkupru u Reżiljenza. L-Onorevoli Ellul saħaq kif rapporti bħal dawn jagħtuna l-opportunità li nevalwaw is-sitwazzjoni attwali ta’ Malta u jippermettu lill-partijiet kollha jżommu lilhom infushom responsabbli b’mod fattwali u empiriku.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb spjega kif is-suġġett li ġie diskuss waqt din il-laqgħa tal-Kunsill, jagħti qafas għar-riformi prijoritizzati li jrid iwettaq il-pajjiż sabiex jadatta għal żviluppi, isfidi u  opportunitajiet futuri.  Iċ-Chairman enfasizzat li l-bidliet meħtieġa mhumiex żgħar, iżda t-trasformazzjoni hija obbligatorja.

Fl-isfont ta’ dan, l-imsieħba soċjali ipparteċipaw b’mod attiv f’diskussjoni fejn ippreżentaw opinjonijiet utli u proposti tanġibbli lill-Ministru għall-Finanzi u l-Impjieg, b’appoġġ għar-riformi li għandhom jiġu implimentati għall-ġid tas-soċjetà.