L-MCESD jiddiskuti l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi mal-imsieħba soċjali

Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) laqqa’ flimkien lill-imsieħba soċjali u rappreżentanti mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) għal diskussjoni dwar id-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi u l-implimentazzjoni tagħha f’Malta.

Il-laqgħa saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Keith Azzopardi Tanti, u ċ-Chairperson tal-MCESD, Maria Micallef. Matul is-sessjoni saret preżentazzjoni mir-rappreżentanti tad-DIER, segwita mill-kummenti tal-imsieħba soċjali u diskussjoni dwar il-passi li jmiss.

Id-diskussjoni tat l-opportunità lill-imsieħba soċjali jqajmu mistoqsijiet, jitolbu kjarifiki u jaqsmu l-perspettivi tagħhom dwar l-implimentazzjoni prattika tar-rekwiżiti l-ġodda fil-postijiet tax-xogħol Maltin.

Ir-Regolamenti dwar it-Trasparenza fil-Pagi jintroduċu diversi miżuri mmirati biex isaħħu t-trasparenza u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol. Dawn jinkludu d-dritt għall-informazzjoni dwar il-pagi, rekwiżiti relatati mal-informazzjoni dwar is-salarju waqt ir-reklutaġġ, rappurtar dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri għal ċerti impjegaturi, kif ukoll mekkaniżmi biex jiġu indirizzati differenzi fil-pagi li ma jkunux ġustifikati.

Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti enfasizza li din id-diskussjoni kienet xprunata mis-sħab soċjali stess u saħaq fuq l-importanza li wieħed jisma’ l-esperjenzi tagħhom. “Kienet sessjoni u diskussjoni interessanti ferm, li kienet xprunata u mitluba mill-imsieħba soċjali stess, dwar id-Direttiva tat-Trasparenza fil-Pagi. Flimkien mad-DIER, kellna l-opportunità li nisimgħu dak li kellhom xi jgħidu l-imsieħba soċjali sabiex inkomplu ntejbu l-ħidma tagħna f’dan il-qasam,” qal il-Ministru Keith Azzopardi Tanti.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, Maria Micallef, enfasizzat ukoll dwar l-importanza ta’ djalogu kontinwu sabiex jiġi żgurat li l-proċess ta’ implimentazzjoni jiġi kkomunikat b’mod ċar lill-membri rispettivi rappreżentati mill-imsieħba soċjali. Is-Sinjura Micallef qalet li “d-diskussjoni bejn l-imsieħba soċjali indirizzat għadd ta’ kjarifiki li kien hemm bżonn jiġu diskussi. Permezz tad-djalogu mal-imsieħba soċjali, nistgħu nikkomunikaw b’mod aktar effettiv mal-membri rispettivi tagħhom dwar l-aħjar triq ’il quddiem għall-implimentazzjoni, filwaqt li niżguraw li l-proċess jitwettaq bl-aktar mod effettiv u b’impatt negattiv minimu fuq min iħaddem u l-impjegati.”

Id-Direttur Ġenerali tad-DIER, Diane Vella Muscat, qalet li l-involviment tal-imsieħba soċjali jipprovdi għarfien importanti dwar kif il-leġiżlazzjoni qed tiġi esperjenzata fil-postijiet tax-xogħol. “Kellna djalogu interessanti ħafna dwar id-Direttiva tat-Trasparenza fil-Pagi. Issa li l-leġiżlazzjoni ġiet ippubblikata, stajna niddiskutu l-implimentazzjoni tagħha u dak li qed jiġi esperjenzat fil-postijiet tax-xogħol. Dan jgħinna, bħala regolatur, nifhmu aħjar ir-realtajiet fuq il-post. L-imsieħba soċjali ħafna drabi huma l-għajnejn u l-widnejn tagħna, u huwa importanti li nkomplu naħdmu magħhom biex niżguraw it-trasparenza fil-pagi u li l-ħaddiema jirċievu dak li huwa dovut lilhom,” kompliet is-Sinjura Vella Muscat.

Il-laqgħa affermat mill-ġdid ir-rwol tal-MCESD bħala pjattaforma għal djalogu soċjali strutturat, li tlaqqa’ flimkien lill-Gvern, lill-imsieħba soċjali u lill-istituzzjonijiet rilevanti sabiex jiddiskutu żviluppi leġiżlattivi u ta’ politika li jaffettwaw il-post tax-xogħol.

Ritratti: