Maria Micallef tinħatar Chairperson tal-MCESD

Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, jagħti merħba lit-tmin Chairperson tiegħu, is-Sinjura Maria Micallef. 

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul ħatar lil Maria Micallef bħala Chairperson ġdida għall-MCESD. 

Maria Micallef hija persuna b’esperjenza kbira fis-settur privat, filwaqt li serviet ukoll fil-kariga ta’ Chairperson tal-Air Malta bejn l-2014 u l-2017. Fil preżent, hija sservi bħala Direttur fuq diversi kumpaniji fis-settur tal-manifattura, turiżmu, l-assigurazzjoni u s-servizzi finanzjarji.
Is-Sinjura Micallef, li hija l-ewwel mara li qed tokkupa l-kariga ta’ Chairperson tal-MCESD, hija gradwata fil-Kimika u l-Bioloġija u kisbet Masters fil-Management Strateġiku u Ġenerali mill-Maastricht School of Management.
Waqt laqgħa mas-Sinjura Micallef, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal illi l-ħatra tagħha huwa pass ieħor favur it-tisħiħ tal-MCESD.
Dr Ellul fisser l-MCESD bħala kruċjali fit-twettiq tal-politiki tal-pajjiż u għalhekk qal li l-Gvern irid jaċċerta li jkompli dejjem jissaħħaħ bl-għodda kollha neċessarja. F’dan ir-rigward spjega kif fiż-żmien li ġej il-Gvern se jniedi l-Young Shapers Forum li se jagħti opportunità lil studenti tas-sekondarja jkunu parti mid-diskussjoni fi ħdan l-istess MCESD.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul temm jgħid li dan kollu jikkonferma kemm il-Gvern tassew jemmen fid-djalogu soċjali u fis-sehem taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-futur ta’ pajjiżna.
Fi tmiem il-laqgħa s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul irringrazzja liċ-Chairman uxxenti l-Perit David Xuereb tax-xogħol sfiq li wettaq fit-tliet snin li għamel iservi f’din il-kariga.

L-MCESD jirringrazzja liċ-Chiarperson uxxenti, il-Perit David Xuereb tas-servizz tiegħu.

 

Maria Micallef – Chairperson tal-MCESD