Għawdex fil-Qalba tad-Diskussjonijiet tal-MCESD: Proposti Strateġiċi mill-Imsieħba Soċjali u l-GRC.

F’laqgħa tal-kunsill tal-MCESD imsejħa mill-Kumitat Reġjonali Għawdex (GRC), l-imsieħba soċjali tal-MCESD flimkien ma’ membri tal-GRC iddiskutew u ssuġġerew strateġiji għall-futur ta’ Għawdex li jibbilanċja t-tkabbir soċjoekonomiku mal-konservazzjoni ambjentali.

Waqt din il-laqgħa, immexxija mal-chairperson tal-MCESD il-Perit David Xuereb, attendew u pparteċipaw il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, l-Onor. Clint Camilleri, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul.

Fl-introduzzjoni tiegħu, is-Sur Joe Borg, iċ-chairperson tal-GRC, spjega l-importanza ta’ din il-laqgħa biex jiġi indirizzat il-progress meħtieġ biex Għawdex isir post aħjar għar-residenti tiegħu. Huwa stqarr li, “Għawdex għandu jkun tabilħaqq xempju ta’ żvilupp ġdid u sostenibbli, li jagħmilha dar aħjar għalina, bħalma għandu jkun għal Malta.” Is-Sur Borg irringrazzja lill-imsieħba soċjali kollha għall-parteċipazzjoni tagħhom, u stqarr li, ” l-attendenza tagħkom ifisser interess ġenwin biex intejbu l-ambjent tagħna.”

Fi preżentazzjoni, is-Sur Daniel Borg, u l-Professur Alex Torpiano, li jirrappreżentaw lill-GRC, tkellmu fuq numru ta’ inizjattivi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ Għawdex. Huma enfasizzaw l-importanza li d-disinn arkitettoniku jippreserva t-topografija, il-materjali, u l-estetika tal-ibliet u l-irħula Għawdxin, u li jiġu protetti l-karatteristiċi arkitettoniċi ewlenin biex jittejjeb l-impatt viżiv.

Il-Prof. Torpiano ddiskuta wkoll il-fatturi ambjentali, storiċi u soċjali ta’ Għawdex filwaqt li identifika sfidi bħal żvilupp mhux ikkontrollat. Huwa enfasizza l-ħtieġa għal politiki ta’ ppjanar iktar robusti biex jipproteġu l-bajjiet u ċ-ċentri urbani filwaqt li sostna għal inizjattivi aktar b’saħħithom dwar it-tibdil fil-klima, inklużi sforzi akbar għall-bijodiversità u l-adozzjoni ta’ prattiki sostenibbli bħall-ġonna fuq il-bjut.

Matul il-laqgħa, l-imsieħba soċjali tal-MCESD għamlu suġġerimenti strateġiċi għall-progress ekonomiku u soċjali ta’ Għawdex. Il-proposti inkludew proġetti ambjentalment sostenibbli u innovattivi, b’użu tat-teknoloġija biex jilħqu l-istatus ta’ carbon-neutral u jistabbilixxu lil Għawdex bħala mudell ta’ eżempju fit-teknoloġija sostenibbli.

L-imsieħba enfasizzaw l-iżvilupp tal-agrituriżmu f’Għawdex li jservi bħala mezz ieħor għat-tisħiħ tal-ekonomija u biex il-viżitaturi jkunu jistgħu jesperjenzaw u japprezzaw iktar il-wirt agrikolu u l-kwalità li joffri Għawdex. Barra minn hekk, saħqu fuq il-ħtieġa li l-prodott turitsiku f’Għawdex għandu jkun iktar sostenibbli u ta’ strateġija b’saħħitha biex tipproteġi s-siti storiċi imprezzabbli u li tiżgura li l-wirt kulturali ta’ Għawdex jiġi ppreservat għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-imsieħba soċjali kienu favur pjan strateġiku nazzjonali komprensiv kemm għal Malta kif ukoll għal Għawdex, li jindirizza oqsma ewlenin għall-benefiċċju taż-żewġ gżejjer.

Il-Ministru Camilleri spjega li l-għan prinċipali tal-Ministeru huwa li jassigura l-prosperità ekonomika u soċjali f’Għawdex, filwaqt li jirrispetta l-karatteristiċi uniċi tal-gżira Għawdxija u jaħdem biex il-Gżejjer Maltin ikunu l-post li n-nies jagħżlu li jgħixu fihom. Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul enfasizza l-importanza li l-Gvern ikompli jiddjaloga mal-imsieħba soċjali għall-benefiċċju ta’ Għawdex. Huwa tenna l-irwol importanti tal-MCESD li jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali f’Għawdex biex jiżguraw progress kontinwu fl-oqsma kruċjali tas-sostenibbiltà.

Din il-laqgħa serviet bħala opportunità għall-imsieħba soċjali biex jiddiskutu l-istrateġiji tagħhom għall-progress ta’ Għawdex, filwaqt li enfasizzaw l-importanza ta’ approċċ ħolistiku li jkun ta’ benefiċċju kemm għal Għawdex kif ukoll għal Malta. L-impenn li jiġi żgurat li l-iżvilupp ta’ Għawdex jibqa’ sostenibbli u jippreserva l-identità unika tal-gżira kien imtenni mill-parteċipanti kollha waqt din il-laqgħa tal-MCESD.

  • Aċċessa l-preżentazzjoni dwar ‘Għawdex bħala Mudell Ekonomiku għan-Nazzjon Kollu’ minn hawnhekk.
  • Aċċessa l-preżentazzjoni dwar ‘Setting the Context’ minn hawnhekk.

 

Ritratti: