L-MCESD Jibda d-Diskussjonijiet dwar il-Viżjoni ta’ Malta 2050
Il-proċess li permezz tiegħu l-MCESD se jagħti kontribut proattiv lill-Gvern fil-proċess tal-Viżjoni Malta 2050 beda bl-ewwel laqgħa tal-Task Force tal-MCESD, imwaqqfa apposta. Din il-laqgħa, b’diskussjonijiet introduttivi u numru ta’ opinjonijiet, offriet ħarsa ġenerali lejn il-metodu propost biex jinġabru l-kontribuzzjonijiet tal-imsieħba soċjali.
Din l-inizjattiva tenfasizza l-impenn tal-imsieħba soċjali tal-MCESD lejn viżjoni komuni ta’ ekonomija kompetittiva, reżiljenti u ċċentrata fuq iċ-ċittadini, bil-għan li toffri kwalità ta’ ħajja ogħla għaċ-ċittadini Maltin. L-imsieħba soċjali pprovdew għarfien siewi u kostruttiv, kif ukoll perspettivi diversi u konsiderazzjonijiet konkreti. Il-kontribut tagħhom għal dan il-proċess imħabbar mill-Gvern jiżgura li t-triq ta’ Viżjoni Malta 2050 tkun kemm inklussiva kif ukoll tirrifletti l-ħtiġijiet tal-komunità.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, spjega li l-ambizzjoni ta’ din il-viżjoni hija li mmorru fid-direzzjoni li nemmnu li hija l-aħjar għal Malta. “Għalkemm dan mhux eżerċizzju faċli, aħna determinati li nfasslu Viżjoni 2050 li tassew tirrifletti l-aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna u tal-poplu tagħna, bl-iktar mod onest u miftuħ,” żied jgħid il-Perit Xuereb. Dan l-isforz nazzjonali kollettiv għandu l-għan li jpoġġi lil Malta bħala nazzjon sostenibbli, innovattiv, u ekonomikament sigur fi ħdan pajsaġġ Ewropew u globali li qed jevolvi.
Bl-għarfien u l-esperjenza tal-imsieħba soċjali tal-MCESD u l-konsulenti tiegħu, l-MCESD stabbilixxa l-pedamenti biex jagħti kontribut attiv u imprezzabbli fit-tfassil tal-Viżjoni Malta 2050 – viżjoni għal pajjiż aħjar li lkoll nixtiequ naraw.
Aċċessa l-preżentazzjoni dwar il-“future of European competitiveness” minn hawnhekk.
Ritratti: