Baġit 2024: L-Imsieħba Soċjali Jippreżentaw Proposti lill-Gvern f’Laqgħa tal-MCESD
F’laqgħa tal-MCESD, l-imsieħba soċjali ppreżentaw il-prijoritajiet u l-proposti tagħhom għall-baġit 2024. Il-laqgħa kellha l-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Finanzi u Xogħol, l-Onor. Clyde Caruana, u tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul, li laqgħu dawn il-kontribuzzjonijiet importanti mill-imsieħba soċjali.
Is-Sur Mark Musù, id-Deputat Chairperson tal-MCESD, ippreseda l-laqgħa u ta spjega komprensiva tal-proċess li permezz tiegħu l-MCESD tirċievi u tevalwa proposti mill-membri tagħha, l-Imsieħba Soċjali. Huwa enfasizza s-sinifikat li dawn il-proposti jiġu kategorizzati f’temi, li hija proċedura li tiffaċilita d-diskussjonijiet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet ikunu iktar effiċjenti.
Biex jispjega aktar dan il-proċess, Dr Gordon Cordina, l-espert maħtur mill-MCESD, għamel preżentazzjoni lill-Kunsill tal-MCESD. Huwa spjega li l-proposti tal-imsieħba soċjali ġew miġbura bir-reqqa f’14-il kategorija tematika, b’total ta’ 80 miżura. Il-membri tal-Kunsill ġew imħeġġa joffru l-perspettivi tagħhom dwar is-sinifikat u l-livelli ta’ prijorità ta’ dawn il-miżuri, biex jiżguraw li jkun hemm kunsens fost l-istakeholders kollha: il-unions, min iħaddem, il-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili, u l-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex.
Wara l-preżentazzjoni ta’ Dr Cordina, l-imsieħba soċjali ddiskutew u spjegaw fid-dettall, flimkien mar-rappreżentanti tal-gvern, il-proposti tagħhom għall-Baġit 2024. Id-diskussjoni ppermettiet eżami bir-reqqa tal-ideat ippreżentati, b’sens akbar ta’ ftehim reċiproku fost il-l-imsieħba soċjali.
Il-Ministru Clyde Caruana, wieġeb għall-proposti tal-imsieħba soċjali u esprima gratitudni għall-kontribuzzjonijiet tagħhom, filwaqt li enfasizza l-importanza strateġika għall-Baġit 2024 quddiem l-isfidi internazzjonali. Il-Ministru saħaq li l-baġit mhux biss jirrikjedi kuraġġ, iżda jipprovdi wkoll direzzjoni strateġika ċara għas-snin li ġejjin.
Is-Segretaru Parlamentari Andy Ellul spjega kif il-gvern jemmen bi sħiħ fid-djalogu soċjali u għalhekk huwa kommess li jkompli jsaħħaħ dan il-qasam.
L-MCESD jiddeskrivi din il-laqgħa bħala okkażjoni importanti għall-futur tal-pajjiż. L-imsieħba soċjali ressqu proposti konkreti fl-interessi nazzjonali.
Din il-laqgħa bejn l-imsieħba soċjali u l-gvern għandha tirrappreżenta pass sinifikanti fil-proċess tat-tiswir tal-baġit għall-2024. Isservi bħala eżempju ewlieni tal-irwol importanti tad-djalogu soċjali u l-kollaborazzjoni fost l-imsieħba soċjali biex jiġi żgurat li l-baġit jallinja mal-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi.