L-MCESD Jistieden lill-Membri Parlamentari Ewropej eletti Maltin biex Isaħħu l-Kollaborazzjoni Nazzjonali permezz tad-Djalogu Soċjali
Il-Kunsill tal-MCESD stieden lill-Membri Parlamentari Ewropej (MPE) eletti Maltin kollha biex ikollhom l-opportunità li jiddiskutu l-isfidi soċjali, ekonomiċi, u ambjentali li pajjiżna għandu jiffoka fuqhom f’dan it-terminu tal-Parlament Ewropew flimkien mal-Imsieħba Soċjali tal-MCESD.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Finanzi, l-Onor. Clyde Caruana, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul, il-Membri Parlamentari Eletti, Daniel Attard u Peter Agius.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Finanzi, l-Onor. Clyde Caruana, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul, u l-MEPs-eletti, Daniel Attard u Peter Agius. Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, mexxa l-laqgħa, u enfasizza l-importanza li l-imsieħba soċjali tal-MCESD isegwu mill-qrib, jappoġġjaw u jagħtu prijorità lill-ħidma tal-MPE Maltin. Saħaq kif permezz ta’ din il-kollaborazzjoni nistgħu nsaħħu l-isforzi tagħna għall-ġid ta’ pajjiżna, biex niksbu riżultati konkreti u pożittivi permezz ta’ kollaborazzjoni proattiva tal-partijiet kollha. “Din il-kollaborazzjoni hija kruċjali biex niżguraw li l-vuċi ta’ Malta tinstema’ b’mod effettiv fil-Parlament Ewropew, u li nistgħu nindirizzaw l-isfidi u l-ambizzjonijiet nazzjonali tagħna b’mod magħqud,” qal il-Perit David Xuereb.
Fil-kummenti tagħhom, il-MPE eletti preżenti għal-laqgħa spjegaw li li bħalissa qed jiġu ffurmati l-kumitati Parlamentari u li qed jiġu stabbiliti l-kumitati li fihom se jkunu qed jieħdu sehem il-membri eletti. Saħqu li huwa essenzjali li l-MCESD tkun infurmata bil-leġiżlazzjoni ta’ prijorità tal-UE sabiex il-Kunsill ikun jista’ jinkludihom fid-diskussjonijiet tiegħu u jipprovdi rakkomandazzjonijiet kwalitattivi fi żmien xieraq. Huma enfasizzaw l-importanza tal-MCESD bħala pjattaforma kruċjali biex jiġu diskussi u indirizzati kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi b’mod koordinat u effettiv.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul ħeġġeġ lill-Membri Parlamentari Ewropej biex ikunu proattivi f’dan id-djalogu u biex iwasslu l-vuċi ta’ pajjiżna, bħala l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea. B’dan jiżgura li l-interessi ta’ pajjiżna jkunu rappreżentati b’mod effettiv f’din l-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea.“Id-djalogu bejn il-Membri Parlamentari Ewropej u l-imsieħba soċjali huwa importanti biex jittieħdu deċiżjonijiet fil-Parlament Ewropew favur il-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi”, saħaq l-Onor. Ellul.
Huwa sostna li din il-kollaborazzjoni għandha twassal għal soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli, li mhux biss jindirizzaw l-isfidi preżenti, iżda joħolqu opportunitajiet ġodda għall-futur. “B’kollaborazzjoni msaħħa nistgħu nġibu politika li tassew tagħmel differenza u li tibbenefika liċ-ċittadini kollha,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul.
Fit-tieni parti tal-laqgħa tal-MCESD, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta ddiskutiet ir-Rapport tal-Pajjiż għal Malta għas-Semestru Ewropew 2024 mal-membri tal-Kunsill fl-MCESD. L-imsieħba soċjali pparteċipaw b’mod attiv f’diskussjoni stimulanti, offrew rakkomandazzjonijiet u appoġġ siewi biex jindirizzaw konsiderazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet imqajma mir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.
Bħala rappreżentanti tal-Gvern, l-Onor. Clyde Caruana, Ministru għall-Finanzi, u l-Onor. Andy Ellul, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, qasmu l-perspettivi tagħhom dwar dan ir-rapport importanti u ddeskriva azzjoni mill-Gvern.
L-MCESD tenna l-impenn tiegħu li jidħol f’diskussjonijiet nazzjonali u fil-livell tal-UE dwar kwistjonijiet ta’ interess nazzjonali, filwaqt li enfasizza s-saħħa u l-importanza ta’ djalogu soċjali proattiv li jipprovdi valur u impatt.
- Tista’ ssegwi l-preżentazzjoni dwar ir-Rapport tal-Pajjiż għal Malta għas-Semestru Ewropew 2024 minn hawnhekk.
Ritratt: