L-MCESD Jiffoka fuq il-Viżjoni Malta 2050

Il-Kunsill tal-MCESD flimkien mal-membri tat-Task Force iltaqgħu biex jiddiskutu l-Viżjoni Malta 2050, strateġija nazzjonali mmirata biex issawwar futur ekonomiku, soċjali, u ambjentali sostenibbli għall-pajjiż.

Il-laqgħa ġabret flimkien lill-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi (ikkummissjonati mill-Kabinett tal-Ministri u mmexxija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru), lis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, lill-membri tal-MCESD Task Force, l-Imsieħba Soċjali, kif ukoll konsulenti tekniċi mill-MCESD u mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Matul il-laqgħa, il-gvern ippreżenta l-bażi inizjali tax-xogħol li sar s’issa, filwaqt li l-imsieħba soċjali taw ir-reazzjonijiet tagħhom dwar dak li ġie diskuss. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-metodoloġija tal-Viżjoni u l-prijoritajiet ewlenin, fosthom it-tisħiħ tal-ekonomija, it-titjib tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, it-trasport, is-sigurtà tal-ikel u tal-enerġija, kif ukoll it-trawwim tas-sostenibbiltà. Għawdex u l-isfidi uniċi li jiffaċċja kienu wkoll enfasizzati.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, iddeskriva l-inizjattiva bħala proġett kuraġġuż u dettaljat, fundamentali għall-futur ta’ Malta, filwaqt li saħaq fuq ix-xogħol estensiv li għad irid isir biex din il-viżjoni titwettaq.

Flimkien, qed inpoġġu l-pedamenti għal futur sostenibbli, innovattiv, u prosperu, sabiex niżguraw li l-viżjoni fit-tul ta’ Malta tirrifletti l-aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna. Irridu viżjoni ħolistika li tindirizza l-isfidi, toħloq l-opportunitajiet, u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja għal kulħadd, qal il-Ministru Silvio Schembri.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Dr. Andy Ellul, saħaq li l-viżjoni għandha tirrifletti l-aspirazzjonijiet u l-ambizzjonijiet tal-Maltin kollha. Huwa qal li din hija viżjoni ta’ poplu wieħed, miż-żgħażagħ sal-anzjani, mit-tfal sal-adulti. Huwa enfasizza l-importanza li l-imsieħba soċjali jgħaddu l-ħsibijiet tagħhom dwar il-Viżjoni Malta 2050 biex nassiguraw futur aħjar għal uliedna.

Din il-laqgħa mmarkat pass kruċjali fil-proċess biex titfassal il-Viżjoni Malta 2050, u qawwiet l-impenn kollettiv u kollaborattiv biex jiġi żgurat sforz konsistenti lejn futur sostenibbli, kompetittiv, inklużiv u prosperu, għall-ġid ta’ kulħadd.

Ritratti: