L-MCESD Jiddiskuti s-Sitwazzjoni tad-Droga f’Malta biex Jiindirizza l-Imġiba u x-Xejriet
F’laqgħa importanti tal-Kunsill tal-MCESD, li saret fuq talba tal-MHRA (Malta Hotels and Restaurants Association), ġiet diskussa s-sitwazzjoni attwali tad-droga f’Malta, bil-għan li tiġi eżaminata fid-dettall.
Matul il-laqgħa, saru numru ta’ preżentazzjonijiet dettaljati lill-Kunsill minn esperti u tekniċi minn diversi entitajiet. F’din il-laqgħa kien hemm il-parteċipazzjoni wkoll tal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, l-Onor. Michael Falzon, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, l-Onor. Rebecca Buttigieg, u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul.
Il-Perit David Xuereb, Chairperson tal-MCESD, enfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ komprensiv u koordinat: “Dan huwa suġġett li jolqot diversi livelli tas-soċjetà. Jeħtieġ li l-politika soċjali, is-settur tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-infurzar tal-liġi jikkollaboraw b’mod aktar effettiv u sostenibbli jekk irridu nreġġgħu lura x-xejriet li qed jinkwetawna lkoll.”
Preżentazzjonijiet tekniċi ġew ippreżentati minn diversi esperti fis-settur, li jinkludu lis-Sur Manuel Gellel, Senior Manager fil-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali; Dr. Anna Maria Vella, Clinical Chairperson ta’ Sedqa; is-Sur Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta; Dr. Jeffrey Bonnici, Konsulent fid-Dipartiment tal-Emerġenza u l-Mediċina fl-Isptar Mater Dei; Prof. Anton Grech, Chairperson tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali; Dr. Godwin Sammut, Uffiċjal Xjentifiku fl-Università ta’ Malta; Dr. Joey Reno Vella, Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis; u s-Sur Angelo Gafà, Kummissarju tal-Pulizija.
Waqt il-laqgħa, l-Imsieħba Soċjali u l-esperti mistiedna esprimew apprezzament sinċier lejn il-fatt li din il-laqgħa ġabret stakeholders minn oqsma varji li b’mod jew iehor ghandhom x jaqsmu mad-droga— minn servizzi tas-saħħa u riabilitazzjoni, sa infurzar u edukazzjoni. Huma saħqu li dan hu mudell eżemplari ta’ kif għandhom jissawru d-diskussjonijiet dwar temi ta’ impatt wiesgħa nazzjonali permezz tad-djalogu soċjali.
L-imsieħba soċjali ikkunsidraw b’mod attiv u fid-dettall is-suġġett. Bħala rappreżentanti tal-impjegati u ta’ min iħaddem, qasmu l-għarfien tagħhom dwar il-każijiet li jiltaqgħu magħhom ta’ spiss fuq il-post tax-xogħol, u enfasizzaw il-ħtieġa għal aktar infurzar tal-liġi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet soċjali u ekonomici li qed jevolvu.
Diversi minnhom saħqu li din id-diskussjoni għandha twassal għal azzjoni konkreta u strutturata, li tinkludi kampanji ta’ edukazzjoni fil-komunità u fl-iskejjel, aktar servizzi ta’ appoġġ u prevenzjoni, emendi fil-ligi u żvilupp ta’ strateġiji fit-tul mmexxija minn dejta u esperjenza prattika.
Il-laqgħa serviet bħala pass importanti fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali u fit-tfassil ta’ soluzzjonijiet inklużivi u sostenibbli biex jiġu indirizzati, immaniġġjati, mitigati u miġġielda l-effetti negattivi tal-abbuż tad-droga f’Malta. Ġie enfasizzat ir-rwol u r-responsabbiltà kollettiva tal-partijiet interessati kollha biex flimkien jaħdmu lejn soċjetà aktar b’saħħitha, aktar sigura u aktar reżiljenti.
Din il-laqgħa se tiġi segwita b’rakkomandazzjonijiet tanġibbli dwar il-passi li jmiss, li se jkunu kkunsidrati mill-Gvern u mill-aġenziji rilevanti tiegħu.
Ritratti: