L-MCESD Jiddiskuti r-Rapport ta’ Malta għas-Semestru Ewropew 2025
Waqt laqgħa tal-MCESD, rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw il-konklużjonijiet ewlenin tar-Rapport għal Malta għas-Semestru Ewropew 2025, bil-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana preżenti.
Il-rapport juri ekonomija Maltija b’saħħitha u dinamika iżda jindika wkoll oqsma fejn hemm bżonn ta’ titjib, bħal investiment aktar robust fir-riċerka u l-innovazzjoni, promozzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, u indirizzar ta’ sfidi infrastrutturali u tat-traffiku.
Il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat l-importanza li Malta tieħu r-riċerka u l-innovazzjoni b’iktar serjetà u li tħejji talent motivat u kwalifikat biex jipparteċipa f’dan il-qasam. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrakkomandat titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ, tnaqqis fl-emissjonijiet mit-trasport, u indirizzar tal-konġestjoni tat-traffiku.
Il-Ministru Caruana qal li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea huwa xhieda ċara tal-ħidma ta’ Malta għal ekonomija aktar b’saħħitha. “Dan mhuwiex biss mument ta’ sodisfazzjon iżda ta’ motivazzjoni. Irridu nibqgħu naħdmu flimkien biex inkomplu ninvestu f’oqsma kruċjali bħar-riċerka, l-innovazzjoni u t-taħriġ, u noħolqu ekonomija sostenibbli u inklussiva għal kulħadd,” qal il-Ministru.
L-Imsieħba Soċjali pparteċipaw b’mod attiv u offrew rakkomandazzjonijiet siewja dwar dawn il-punti. Huma enfasizzaw il-bżonn ta’ infrastruttura aġġornata li tmur id f’id mat-tkabbir ekonomiku, u l-investiment fl-edukazzjoni biex jissaħħu l-ħsieb kreattiv u kritiku, meħtieġa għall-innovazzjoni, partikolarment fid-dawl tal-Viżjoni 2050.
Ġie rrimarkat ukoll li l-ħaddiema barranin għandhom ikunu adegwati u kwalifikati, speċjalment fis-settur tas-saħħa, u li jeħtieġ titjieb l-effiċjenza tax-xogħol filwaqt li jiġu indirizzati sfidi demografiċi. Intqal ukoll li l-politika tal-ETS m’għandhiex toħloq riskji għall-impjiegi f’Malta, u li Għawdex għandu jsaħħaħ il-kontribut tiegħu fl-ekonomija permezz ta’ aktar diversifikazzjoni, b’aktar attenzjoni għall-kwistjoni tar-regjonalità.
L-interventi tal-imsieħba ttrattaw ukoll is-sigurtà ċibernetika u d-difiża, u l-implimentazzjoni ta’ skills passport mingħajr dewmien. Minn naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-MCESD l-Perit David Xuereb, qal li dan ir-rapport jgħin biex Malta timxi paripassu ma’ pajjiżi oħra fl-avvanzi diġitali u ħodor. Saħaq fuq il-bżonn li r-riċerka u l-innovazzjoni jkunu prijorità nazzjonali u li nħejju lit-tfal biex ikunu parti minn din it-trasformazzjoni.
Ritratti: