L-MCESD Jiddiskuti l-Iskema tal-Occupational Pension u l-Fond Soċjali għall-Klima
F’laqgħa tal-MCESD, li saret fuq talba tal-Forum Unions Maltin, ġiet diskussa l-Iskema tal-Occupational Pension. Din l-iskema tippermetti lill-impjegati jinvestu parti mid-dħul tagħhom għall-futur, b’appoġġ dirett mill-Gvern li jikkontribwixxi ammont ekwivalenti sa massimu ta’ €100 fix-xahar. Il-laqgħa serviet biex jiġu diskussi fid-dettall l-elementi prinċipali ta’ din il-miżura, wara t-tħabbira tagħha fil-Baġit 2025.
Din il-laqgħa tal-MCESD saret fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, ambjent li mhux biss ifakkar fil-wirt storiku u kulturali tagħna, iżda wkoll iħeġġeġ ħsieb differenti.
Preżenti għal din id-diskussjoni kien hemm il-Ministru għall-Finanzi u l-Impjiegi, l-Onor. Clyde Caruana, u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul, flimkien mal-imsieħba soċjali tal-MCESD u rappreżentanti mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE).
Il-Ministru Caruana saħaq li dawn id-diskussjonijiet huma kruċjali biex l-iskema tkun waħda ġusta, b’saħħitha u sostenibbli, mhux biss għall-lum, iżda wkoll għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul iddeskriva kemm l-MCESD huwa mezz kif isir id-djalogu miftuħ f’pajjiżna, kif ukoll hu punt ta’ referenza importanti f’pajjiżna fejn jiġu diskussi suġġetti ta’ importanza f’kull settur tas-soċjetà ta’ pajjiżna.
L-imsieħba soċjali wrew l-appoġġ tagħhom lejn din l-inizjattiva bħala pass konkret biex jiġi protett l-istandard tal-għixien wara l-irtirar, u kkontribwew b’mod attiv bid-diskussjoni. Fost is-suġġerimenti tagħhom kien hemm il-ħtieġa għal komunikazzjoni ċara u effettiva mal-ħaddiema, li l-kontribuzzjonijiet ikunu aċċessibbli u sostenibbli, it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi partikolarment għal negozji żgħar u medji biex titħaddem din l-iskema, tippermetti mobilità fis-suq tax-xogħol, u aktar trasparenza fir-rigward tal-ħlasijiet u l-governanza. L-imsieħba soċjali wkoll esprimew ix-xewqa li l-iskema tibqa’ tiġi kkonsultata fil-fażijiet tal-konsultazzjoni biex tiġi żviluppata iktar.
It-tieni parti tal-laqgħa ffokat fuq il-Fond Soċjali għall-Klima, u ġiet ippreżentata mis-Segretarju Permanenti għall-Fondi Ewropej, l-Ugwaljanza, ir-Riformi u d-Djalogu Soċjali, is-Sur Jonathan Vassallo.
Il-preżentazzjoni tat ħarsa ġenerali lejn l-għanijiet u l-prijoritajiet strateġiċi tal-fond, b’mod partikolari l-importanza tiegħu fil-promozzjoni ta’ transizzjoni ekoloġika ġusta u inklużiva. Din is-serviet ukoll bħala introduzzjoni għall-konsultazzjoni pubblika li se titnieda fil-jiem li ġejjin, inkluż sessjoni ddedikata mal-MCESD sabiex jiġi żgurat li l-imsieħba soċjali u l-partijiet kollha interessati jkollhom sehem attiv fit-tfassil tal-prijoritajiet nazzjonali. L-imsieħba soċjali rrikonoxxew ir-rilevanza tal-fond u esprimew l-interess tagħhom li jikkontribwixxu b’mod konkret għal miżuri li jibbilanċjaw l-ambizzjoni ambjentali mal-ġustizzja soċjali.
Ritratti: