L-MCESD Jibda l-Konsultazzjonijiet ta’ Qabel il-Baġit: L-Imsieħba Soċjali Jippreżentaw Proposti għall-Baġit 2025.

Fl-aħħar Laqgħa tal-Kunsill tal-MCESD, immexxija mid-Deputat Chairman Mark Musù, ġie diskuss il-konsultazzjonijiet ta’ qabel il-baġit. Matul din il-laqgħa, l-MCESD beda l-proċess ta’ qabel il-baġit, bl-involviment tal-ekonomista Gordon Cordina li mexxa laqgħat one-on-one mal-membri kollha tal-kunsill tal-MCESD, inklużi l-Unjins, l-organizzazzjonijiet ta’ Min Iħaddem, il-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili, u l-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex, u jkunu jistgħu jiġu b’pożizzjoni tal-MCESD dwar proposti ta’ qabel il-baġit.

Waqt din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit, il-Ministru għall-Finanzi, l-Onor. Clyde Caruana spjega lill-imsieħba soċjali li l-Gvern se jkun qed iressaq il-pjan fiskali tiegħu fuq terminu medju lill-kummissjoni sal-20 ta’ Settembru. Minkejja l-konsolidazzjoni fiskali li se twassal għal defiċit u piż tad-dejn aktar baxx, il-Gvern xorta se jkun f’pożizzjoni li jkun hemm tnaqqis fit-taxxa, iżid in-nefqa fuq il-protezzjoni soċjali, u jalloka r-riżorsi meħtieġa għall-investiment kapitali.

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul, irringrazzja lill-imsieħba soċjali kollha għall-proposti siewja li qed imexxu  qabel il-baġit u semma l-ippjanar ta’ laqgħat skedati li se jsiru qabel il-preżentazzjoni uffiċjali tad-dokument ta’ qabel il-baġit.

L-imsieħba soċjali enfasizzaw l-importanza tas-sostenibbiltà fiskali u saħqu dwar iktar effiċjenza fis-settur pubbliku. Tkellmu wkoll fuq taxxa iktar ġusta u għaqal fl-ispiża tal-Gvern. Fost numru ta’ suġġetti, l-Imsieħba Soċjali tkellmu fuq tisħiħ tal-konnettività bejn Malta u Għawdex, ir-riforma tal-Public Procurement, l-investiment fl-infrastruttura tal-kura tas-saħħa, l-iżgurar ta’ governanza tajba għal użu aktar effiċjenti u effettiv tal-fondi tal-UE, il-promozzjoni ta’ turiżmu ta’ kwalità, u l-indirizzar tal-kwistjonijiet tat-traffiku. Ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa għal viżjoni ekonomika ċara fost l-imsieħba soċjali. Dawn il-proposti kellhom l-għan li jiżguraw approċċ ibbilanċjat għat-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività, u l-iżvilupp soċjali filwaqt li tinżamm ir-responsabbiltà fiskali fil-baġit għas-sena 2025.

Ritratti: