Ir-Rapport Nazzjonali tal-Produttività ta’ Malta 2023 – Fokus fuq is-Salarji u l-Produttività

Il-Bord Nazzjonali tal-Produttività għadu kemm ippubblika r-Rapport Nazzjonali tal-Produttività tal-2023, li jispjega r-relazzjoni li qed tevolvi bejn is-salarji u l-produttività fis-setturi ewlenin ta’ Malta.

Dan ir-rapport jidentifika ħtiġijiet kritiċi għal iktar investiment, b’mod partikolari fir-riċerka u fl-innovazzjoni, fis-settur tal-manifattura, fl-edukazzjoni u fil-ħiliet, f’iktar tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Għal dan il-għan, il-Bord ifformola dawn l-osservazzjonijiet f’għaxar rakkomandazzjonijiet S.M.A.R.T., li jipprovdu qafas komprensiv għal dawk li jfasslu l-politika, in-negozji, u l-imsieħba soċjali biex jindirizzaw flimkien l-isfidi tal-produttività u l-kompetittività f’Malta. Dawn jinkludu l-konċentrazzjoni u speċjalizzazzjoni fis-setturi ta’ produttività għolja, iktar investiment fuq riċerka u żvilupp (R&D), l-aġġornament ta’ programmi edukattivi biex jilħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, it-titjib fil-produttività u s-salarji fl-impjiegi ta’ ħiliet baxxi, u l-attrazzjoni ta’ aktar investimenti barranin dirett (FDI) ta’ valur għoli.

Il-Konferenza, organizzata mill-Bord Nazzjonali tal-Produttività, immexxija miċ-Chairperson tal-Bord Nazzjonali tal-Produttività u tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, laqqgħet kelliema distinti fosthom is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul.  Panel magħmul minn esperti bħal Prof. Joseph Borg, is-Sur Andy Gatesy, is-Sinjura Ruth Debrincat, u s-Sur Mark Bajada ħadu sehem attiv fid-diskussjonijiet. Preżenti għal din il-konferenza kien hemm Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, imsieħba soċjali tal-MCESD, Segretarji Permanenti, akkademiċi, CEOs ta’ kumpaniji, aġenziji pubbliċi, u s-settur privat. Panel distint inkluda lill-Prof. Joseph Borg, is-Sur Andy Gatesy, is-Sinjura Ruth Debrincat, u s-Sur Mark Bajada, li wkoll ikkontribwew b’mod attiv għad-diskussjoni.

Matul il-konferenza, L-EMCS, il-konsulenti tal-Bord u responsabbli mir-rapport, ippreżentaw analiżi dettaljata tar-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Din il-preżentazzjoni saret mill-Prof. Philip von Brockdorff, Dr Jonathan Spiteri u s-Sur Kurt Muscat.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul saħaq li dan ir-rapport qed juri biċ-ċar “l-impatt pożittiv li qed iħalli f’pajjiżna l-Investiment Barrani  Dirett, il-progress fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, u t-titjib fil-qasam edukattiv. Dan filwaqt li dan ir-rapport qed isemmi setturi oħrajn li qed ikomplu jissaħħu, fosthom is-setturi finanzjarji.”

L-Onor. Ellul qal li dawn ir-riżultati pożittivi nkisbu grazzi għad-djalogu soċjali li hu b’saħħtu. “Inħares ’il quddiem biex bħala Gvern inkomplu naħdmu flimkien mal-Bord Nazzjonali tal-Produttività biex x’rakkomandazzjonijiet hemm aktar għal pajjiżna biex ikompli jissaħħaħ u tkompli titkabbar l-ekonomija u b’mod tanġibbli jkomplu jgawdi l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.”

Bl-istrateġiji prospettivi tiegħu, ir-Rapport Nazzjonali tal-Produttività tal-2023 jistabbilixxi qafas komprensiv għall-iżvilupp kontinwu ta’ Malta, u jwiegħed ekonomija aktar b’saħħitha mfassla fuq l-innovazzjoni u l-inklussività.

  • Il-verżjoni kompluta, bl-ingliż, tar-Rapport Nazzjonali dwar il-Produttività jista’ jiġi aċċessat hawnhekk.
  • Il-verżjoni astratta, bl-ingliż, tar-Rapport Nazzjonali dwar il-Produttività jista’ jiġi aċċessat hawnhekk.
  • Il-Preżentazzjoni, bl-ingliż, tista’ tiġi aċċessata hawnhekk.

Ritratti: