Il-Prinċipji tal-Malta Labour Migration Policy Diskussi mal-MCESD
Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD iltaqa’ mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, biex iddiskuta l-prinċipji tal-Malta Labour Migration Policy. Din hi politika li ser tkun ippubblikata għall-konsultazzjoni pubblika fil-jiem li ġejjin u li għandha l-għan li tibdel il-mod kif jiġu ngaġġati l-ħaddiema minn pajjiżi terzi f’pajjiżna.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, saħaq fuq l-importanza tal-MCESD bħala pjattaforma fejn suġġetti ta’ rilevanza nazzjonali jiġu diskussi bir-reqqa qabel konsultazzjoni pubblika. “Din l-inizjattiva tirrappreżenta pass lejn ippjanar sostenibbli tal-migrazzjoni tax-xogħol f’pajjiżna, bil-għan li nsaħħu l-kwalità tal-ħajja u l-iżvilupp ekonomiku, filwaqt li nżommu bilanċ fis-suq tax-xogħol.”
L-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD ippreżentaw suġġerimenti importanti lill-Gvern, partikolarment dwar sfidi li għandhom jiġu indirizzati b’mod urġenti. Il-kollaborazzjoni u d-djalogu jibqgħu essenzjali biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet bilanċjati u prattiċi.
Dan kollu għandu jkun marbut mal-Viżjoni għal Malta 2050, sabiex nassiguraw li kull deċiżjoni tkun parti minn pjan fit-tul għal futur sostenibbli u inklussiv.















