Il-Kunsill tal-MCESD Jiddiskuti r-Riformi fis-Settur tas-Saħħa u l-Inizjattivi Strateġiċi tal-Aġenzija Identità

Waqt laqgħa importanti oħra tal-Kunsill tal-MCESD li saret fil-11 ta’ Ottubru 2024, l-imsieħba soċjali ġew infurmati dwar proposti ewlenin għall-futur tas-servizzi tas-saħħa fiżika u mentali f’Malta u Għawdex, kif ukoll dwar żviluppi importanti mill-Aġenzija Identità.

Għal din il-laqgħa tal-Kunsill attenda l-Ministru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva, l-Onor. JoEtienne Abela għall-ewwel parti, filwaqt li ċ-Chairperson u l-CEO ta’ Identità ngħaqdu għat-tieni sessjoni. Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul, kien preżenti għal-laqgħa kollha.

Fl-introduzzjoni tiegħu, iċ-Chairperson tal-MCESD, Perit David Xuereb, enfasizza s-sinifikat ta’ din l-14-il laqgħa tal-Kunsill u r-rwol attiv tal-imsieħba soċjali fit-tiswir ta’ politiki tanġibbli u realistiku dwar prijoritajiet soċjoekonomiċi nazzjonali. Huwa saħaq fuq l-impenn tal-MCESD biex jippromwovi djalogu kostruttiv u professjonali f’oqsma bħas-sistema tal-kura tas-saħħa u l-ħidma tal-Aġenzija Identità, sabiex ikun hemm allinjament mal-prijoritajiet nazzjonali u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.

Fi preżentazzjoni dettaljata lill-imsieħba soċjali, il-Ministru Abela spjega l-inizjattivi attwali u futuri ta’ riforma fil-kura tas-saħħa f’Malta u Għawdex. Huwa tkellem dwar l-espansjoni taċ-ċentri tas-saħħa primarja, it-titjib tal-programmi ta’ screening, it-tnaqqis fil-ħinijiet ta’ stennija, u t-tisħiħ tal-infrastruttura tal-isptarijiet, inklużi Mater Dei, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, u San Luqa.

Il-Ministru ddiskuta wkoll il-pjanijiet għall-kura ta’ emerġenza, unitajiet speċjalizzati, u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda bil-għan li jtejbu l-kura tal-pazjenti u r-riżultati tas-saħħa madwar il-gżejjer. Barra minn hekk, huwa rrifletta fuq l-isfidi relatati mal-attrazzjoni u ż-żamma ta’ talent kwalifikat fis-settur tas-saħħa.

L-imsieħba soċjali laqgħu d-dettall tal-pjanijiet tal-Ministeru għas-Saħħa u saħqu fuq l-importanza li tiġi żgurata sistema ta’ kura tas-saħħa li tkun aċċessibbli u effiċjenti, tiffoka fuq il-prevenzjoni, is-sigurtà tal-pazjent, u servizz ta’ kwalità għolja. Huma enfasizzaw il-bżonn ta’ kampanji ta’ saħħa pubblika mmirati biex jindirizzaw sfidi bħal bejgħ ta’ fast food ħdejn l-iskejjel, inizjattivi kontra t-tipjip, u l-monitoraġġ tal-użu tal-kannabis.

L-imsieħba soċjali saħqu wkoll fuq l-importanza tal-espansjoni tas-servizzi tas-saħħa komunitarji, flimkien ma’ aktar attenzjoni għas-saħħa mentali. Huma enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu mħarrġa aktar persuni fl-ewwel għajnuna għas-saħħa mentali u li l-proġetti jitwettqu skont skedi ta’ żmien realistiċi, li jilħqu l-aspirazzjonijiet pubbliċi u jikkonformaw mal-istandards tal-akkwist pubbliku.

Fit-tieni parti tal-laqgħa, iċ-Chairperson ta’ Identità, is-Sinjura Marlene Mizzi, iddeskriviet il-ħidma kontinwa tal-Aġenzija, filwaqt li s-CEO, is-Sur Steve Agius, ippreżenta l-viżjoni strateġika tal-Aġenzija. Ir-riformi ewlenin huma mmirati lejn it-tisħiħ tal-effiċjenza, it-trasparenza, u r-rispons fl-immaniġġjar tal-informazzjoni tal-identità.

Din il-laqgħa serviet bħala pjattaforma siewja għall-imsieħba soċjali biex jipprovdu l-kontribut tagħhom dwar żviluppi kritiċi li jolqtu lir-residenti u n-negozji. Barra minn hekk, il-Kunsill tal-MCESD irrakkomanda l-ħtieġa għal repożitorju nazzjonali uniku tad-data personali.

Ritratt: