Il-Gvern jibda l-proċess għall-Viżjoni ta’ Malta għall-futur, Malta Vision 2050, b’Konsultazzjoni mal-MCESD.

Wara l-ftuħ uffiċjali tal-iStartup Festival u TechXpo fl-MFCC f’Ta’ Qali, il-Kunsill tal-MCESD iltaqa’ fl-istess post. Preżenti għal din il-laqgħa importanti tal-MCESD kienu l-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, l-Onor. Silvio Schembri; is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul; is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Tony Sultana; flimkien mal-Imsieħba Soċjali u mistednin distinti oħra.

Din il-laqgħa mmarkat it-tnedija tal-proċess tal-Gvern biex jiżviluppa Viżjoni ta’ Malta għall-futur, Malta Vision 2050, b’kollaborazzjoni mal-MCESD. Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, saħaq fuq il-valur tal-kontribut tal-għarfien u l-previżjoni tal-Imsieħba Soċjali biex issawwar id-direzzjoni strateġika fit-tul għal Malta. Il-Ministru Schembri saħaq li dan il-proċess inklussiv se jkun iggwidat minn KPIs ċari, li jistabbilixxu miri għall-2035 u l-2050, u enfasizza r-responsabbiltà tal-pajjiż lejn il-ġenerazzjonijiet futuri.

Matul il-laqgħa, l-Imsieħba Soċjali ġew preżentati bi tliet preżentazzjonijiet. L-ewwel waħda kienet mogħtija mis-Sur George Gregory, ceo tal-Malta Enterprise dwar il-prestazzjoni ekonomika attwali u kunsiderazzjonijiet ewlenin ta’ investiment dirett barrani (FDI). It-tieni preżentazzjoni tmexxiet mis-Sur Miguel Borg, Kap Eżekuttiv tal-Malta Venture Capital dwar l-isforzi tal-organizzazzjonijiet biex jattiraw investiment lejn innovaturi u intraprendituri li għadhom jibdew. It-tielet preżentazzjoni tmexxiet mis-Sur Stefano Masini dwar rakkomandazzjonijiet ta’ linji gwida strateġiċi dwar l-iżvilupp ekonomiku.

Il-membri tal-Kunsill tal-MCESD offrew rakkomandazzjonijiet ewlenin lill-Gvern, u laqgħu l-inizjattiva biex jikkollaboraw fuq il- Viżjoni ta’ Malta għall-futur. Saħqu fuq il-ħtieġa li jinstabu riżultati li jippermettu progress lil hinn mill-metriċi tal-Prodott Domestiku Gross (GDP), u li jkun ukoll minn elementi ambjentali, soċjali u ta’ governanza.

Il-Kunsill tal-MCESD afferma mill-ġdid l-appoġġ u l-impenn proattiv tiegħu biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ ambizzjoni strateġika għal żmien medju u fit-tul fil-Viżjoni ta’ Malta għall-futur, il-Malta Vision 2050.

Ritratti: