Diskussa l-Perspettiva għal Għawdex tal-Viżjoni Malta 2050 f’laqgħa tal-MCESD
Waqt laqgħa tal-MCESD, li saret flimkien mal-imsieħba soċjali u l-membri tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex (GRC), attendew ukoll il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia. Matul din il-laqgħa ġie diskuss ukoll l-irwol ta’ Għawdex bħala komponent ewlieni fil-Viżjoni Malta 2050.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, saħaq li Għawdex jista’ jkun promotur ewlieni tal-Viżjoni 2050; viżjoni li tħares mhux biss lejn l-ekonomija, imma wkoll lejn il-kwalità tal-ħajja u l-ġid tan-nies. Huwa spjega kif l-MCESD qed jaħdem sabiex din il-viżjoni tkun mifhuma u aċċettata minn kulħadd.
Il-Ministru Clint Camilleri ddikjara li l-Viżjoni Malta 2050 qed tkompli tibni fuq l-istrateġija ‘Għawdex: Gżira ta’ Villaġġi’ li tnediet sentejn ilu, bil-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u jinbena futur aktar sostenibbli. Din il-viżjoni qed tiġi żviluppata flimkien ma’ diversi stakeholders u setturi, b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-konnettività u l-iżvilupp ekonomiku u turistiku tal-gżira.
Il-ministru semma avvanzi kbar fil-konnettività, fosthom it-titjib fis-servizzi tal-Gozo Channel, l-introduzzjoni tal-fast ferry u l-qbil fuq skedi adattati. F’dan il-kuntest, ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jibda x-xogħol fuq ir-rural airfield, pass li skontu se jkompli jkabbar l-ekonomija u jżomm iż-żgħażagħ fil-gżira Għawdxija.
Fuq livell turistiku, il-Ministru Camilleri saħaq fuq Għawdex bħala destinazzjoni ta’ kull staġun. “Ridna li t-turiżmu jiżdied, imma dan għandu jsir skont meta jaqbel għal din il-gżira, jiġifieri fix-shoulder months. Din il-viżjoni ilna naħdmu fuqha anki permezz tal-attivitajiet kulturali sabiex kellna żieda fejn kien hemm bżonn.
Il-Ministru Clint Camilleri elenka wkoll diversi proġetti li se jibnu fuq din il-viżjoni, fosthom il-Padiljun Sportiv u Akkwatiku u investiment fl-edukazzjoni. Huwa tenna l-ħtieġa li l-iżvilupp jissokta b’mod sostenibbli u li tiġi protetta l-identità Għawdxija, li hija wkoll parti mill-attrazzjoni tal-gżira.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, saħaq fuq l-importanza ta’ djalogu miftuħ u inklussiv bħala pedament għall-progress u s-suċċess tal-pajjiż. Huwa sostna li hemm prova ċara li s-suċċess jirnexxi meta jkun hemm djalogu sinċier, strutturat u kontinwu ma’ firxa wiesgħa ta’ msieħba soċjali. Dan huwa l-mudell li l-Gvern mexa bih tul is-snin u li qed jagħti l-frott tiegħu.
Dr Ellul irrimarka kif il-laqgħa tal-MCESD kienet xhieda ħajja ta’ dan l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni. “Illum, waqt din il-laqgħa tal-MCESD, b’sodisfazzjon kbira nnutajt livell għoli ta’ attiviżmu u kontribut sostanzjali mill-partijiet kollha involuti. Il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tal-Viżjoni Malta 2050 hija indikazzjoni ċara li l-pajjiż qiegħed fuq triq ċara u b’saħħitha biex jagħmel qabża fil-kwalità. Din il-Viżjoni mhux biss qed tiġi mfassla b’sens ta’ responsabbiltà u inklużività, iżda wkoll b’għan wieħed: li nibnu futur li jservi lil kulħadd, mhux għal-lum biss imma għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Għalhekk, dan huwa eżempju ċar ta’ kif id-djalogu soċjali jista’ jkun forza li tmexxi l-pajjiż ’il quddiem.”
Il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia spjega l-impenn li ser ikollu l-Gvern lejn l-implimentazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050, wara l-konsultazzjoni sħiħa li ser tibqa’ għaddejja sa Settembru ta’ din is-sena. “Din ser tkun Viżjoni magħmula mill-Maltin u l-Għawdxin għall-Maltin u l-Għawdxin. Fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ser ikollna unit sħiħ iffukat fuq l-implimentazzjoni tagħha, il-Vision Implementation Unit, tim apposta li ser jaħdem fuq policies u liġijiet, costings u KPIs għal kull sena. KPIs li ser ikunu aċċessibbli b’mod pubbliku, f’dokument li ser jibqa’ ħaj u kurrenti.”
L-Imsieħba Soċjali tal-MCESD u l-membri tal-GRC ressqu diversi suġġerimenti, u enfasizzaw il-potenzjal ta’ Għawdex bħala spazju ideali għal proġetti pilota relatati mas-sostenibbiltà, turiżmu ta’ kwalità, u teknoloġiji innovattivi. Saħqu wkoll li Għawdex m’għandux jiġi ttrattat bħala kopja ta’ Malta, iżda bħala reġjun b’karatteristiċi u prijoritajiet distinti li għandhom jiġu rispettati u valorizzati fi ħdan viżjoni nazzjonali li tirrifletti l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu.
Ġie diskuss ukoll il-bżonn li tkompli tissaħħaħ il-konnettività u l-infrastruttura tal-gżira biex jinħolqu l-qafas u l-opportunitajiet meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli u l-investiment f’Għawdex. Intqal li Għawdex għandu jkompli jattira impjiegi ta’ kwalità u jkabbar setturi strateġiċi bħall-manifattura intelliġenti u startups, filwaqt li jissaħħu wkoll l-ekonomija rurali u soċjali tiegħu.
Diskussjoni attiva laħqet ukoll il-ħtieġa għal aktar investiment fis-settur soċjali, appoġġ lil NGOs, u koordinazzjoni effettiva bejn politiki u inizjattivi differenti. Il-ħarsien tal-pajsaġġ agrikolu ta’ Għawdex u l-impatti tal-bidla fil-klima ġew ukoll identifikati bħala punti ewlenin fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli.
Aċċessa l-preżentazzjoni minn hawnhekk.
Ritratti: