Il-pjan ta’ miżuri biex tiġi indirizzata l-isfida tat-traffiku diskuss waqt laqgħa mal-MCESD
F’laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ippreżenta sensiela ta’ miżuri mmirati biex tiġi mitigata l-isfida tat-traffiku f’pajjiżna.
Ic-Chairperson tal-MCESD saħaq li din il-ħames laqgħa tal-Kunsill tal-MCESD ġiet imsejħa fuq inizjattiva tal-Imsieħba Soċjali, li talbu aġġornament mill-Ministru responsabbli mit-trasport dwar il-proposti li kienu tressqu, kif ukoll dwar il-miżuri li qed jiġu implimentati biex jindirizzaw l-isfida tat-traffiku f’pajjiżna, wara l-aħħar laqgħa li kellna dwar dan is-suġġett.
L-Imsieħba Soċjali pprovdew feedback proattiv u bir-reqqa għall-preżentazzjoni li għamel il-Ministru Bonnett, u impenjaw ruħhom f’diskussjoni kostruttiva, fejn ippreżentaw u offrew l-għarfien espert u r-rakkomandazzjonijiet konkreti u tanġibbli tagħhom lill-Ministeru, qabel dawn il-miżuri jiġu ppubblikati u jikkomunikawhom mal-pubbliku.
Il-Ministru Chris Bonett u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħqu li din il-laqgħa mmarkat tmiem ta’ proċess li jindirizza s-settur fis-sens wiesgħa tiegħu u li kien ikkaratterizzat minn diskussjonijiet mal-esperti u msieħba soċjali kif ukoll konsultazzjoni pubblika estensiva.
Il-Ministru Chris Bonett esprima r-ringrazzjament tiegħu għal kull min ipparteċipa u ressaq il-proposti tiegħu u enfasizza li dawn il-konsultazzjonijiet kienu kruċjali biex jinbnew il-miżuri b’suċċess, li jilħqu u jissodisfaw il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti. Huwa kompla billi spjega kif wara li l-pubbliku qajjem numru ta’ proposti u ideat, li saħansitra laħqu l-elf proposta, ġew analizzati u kkunsidrati biex jinħarġu l-miżuri.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul esprima s-sodisfazzjon tiegħu li kulma jmur, l-imsieħba soċjali qed jibqgħu jiġu kkonsultati u mismugħa dwar materji ta’ natura ekonomika u soċjali. Saħaq li t-trasport huwa qasam li jimpatta l-kwalità tal-ħajja tal-poplu u għalhekk huwa kruċjali li l-imsieħba fl-MCESD, jagħtu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett. Sostna li kull meta l-imsieħba ġew ikkonsultati saru kisbiet kbar għal pajjiżna, fosthom il-ftehim storiku li ra żieda fil-Paga Minima Nazzjonali u l-bidla fil-Liġi li tirregola t-temping agencies. Huwa temm billi rringrazzja lill-imsieħba tal-kontribut tagħhom, bil-għan li pajjiżna u l-poplu tiegħu jibqa’ miexi ‘l quddiem.
Għal dan il-għan, iċ-Chairperson saħaq kif dan huwa eżattament l-ispirtu tad-djalogu soċjali li għandu jmexxi ‘l quddiem pajjiżna; djalogu miftuħ u sinċier li jsaħħaħ l-inizjattivi favur il-ġid komuni, u li minnhom il-pubbliku jista’ jibbenefika b’mod konkret.
Ritratti: