Task Force tal-MCESD: Ikomplu d-diskussjonijiet ewlenin dwar il-Viżjoni ta’ Malta 2050

It-Task Force tal-MCESD dwar il-Viżjoni għal Malta 2050 iltaqa’ għal-laqgħa importanti biex ikompli jirfina l-qafas li jiggwida l-pjan strateġiku fit-tul ta’ Malta. Din il-laqgħa saret wara l-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-MCESD, il-gvern ippreżenta l-bażi inizjali tax-xogħol li sar s’issa, filwaqt li l-imsieħba soċjali taw ir-reazzjonijiet tagħhom dwar dak li ġie diskuss. Id-diskussjonijiet iffokaw fuq prijoritajiet ewlenin li għandhom jgħinu biex isawru l-metodoloġija ta’ din il-Viżjoni.

“Dan il-proċess fi ħdan l-MCESD qed jipprovdi eżempju ċar ta’ kollaborazzjoni dinamika bejn l-imsieħba soċjali, biex jiġi żgurat li l-Viżjoni ta’ Malta 2050 tirrifletti l-aspirazzjonijiet tal-poplu ta’ dan il-pajjiż,” saħaq iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb. “L-għan tagħna huwa li nappoġġaw l-iżvilupp ta’ qafas li mhux biss jiflaħ it-test taż-żmien, imma wkoll jissalvagwardja l-awtentiċità u l-valuri ta’ Malta għall-ġenerazzjonijiet futuri.”

Matul il-laqgħa, il-membri tat-Task Force ressqu għarfien espert u enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu indirizzati sfidi urġenti bħat-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà ekonomika, is-sigurtà tar-riżorsi, u l-isfidi marbuta mad-demografija li qed tinbidel. Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq l-importanza li għandha tingħata prijorità lil Għawdex, b’mod li tiġi mħarsa l-identità distinta tiegħu. Dan billi jkun hemm żvilupp sostenibbli li jippermetti opportunità ekonomika, filwaqt li jiġi mħares il-wirt ekoloġiku u kulturali tal-gżira Għawdxija.

Il-laqgħa inkludiet ukoll diskussjonijiet dwar ir-Rapport ta’ Mario Draghi, li qajjem punti rilevanti għall-għanijiet u l-metodoloġija tal-Viżjoni għal Malta 2050.

Aspetti ewlenin li ħarġu mil-laqgħa inkludew l-importanza tal-iżvilupp tal-ħiliet, it-tisħiħ tas-sistemi ta’ ppjanar strateġiku, u l-urġenza li tiġi indirizzata s-sigurtà tal-ikel u tal-ilma fid-dawl tat-tfixkil globali. Ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati mudelli ekoloġiċi u diġitali li huma innovattivi u sostenibbli, kif ukoll prijoritajiet tematiċi oħra li għandhom isostnu l-kompetittività sostenibbli, filwaqt li l-benesseri tan-nies jibqa’ fiċ-ċentru tat-teħid tad-deċiżjonijiet kollha.

Il-laqgħa kkonfermat mill-ġdid l-impenn tat-Task Force għal proċess miftuħ, trasparenti, professjonali u inklussiv. Dan jiżgura li l-Viżjoni 2050 tintegra soluzzjonijiet innovattivi u tirrifletti kemm l-elementi b’saħħithom kif ukoll l-isfidi uniċi ta’ Malta. Bl-approċċ tagħha li jħares ’il quddiem, it-Task Force tal-MCESD għall-Viżjoni Malta 2050 tkompli taqdi rwol kritiku biex tassigura li l-aspirazzjonijiet u l-ambizzjonijiet nazzjonali jkunu riflessi b’mod ċar u konkret f’din l-inizjattiva strateġika kruċjali fl-istorja ta’ pajjiżna.

Ritratti: