L-MCESD Jiddiskuti l-Prijoritajiet Nazzjonali f’Laqgħa mad-Delegazzjoni tal-UE.

L-imsieħba soċjali ltaqgħu ma’ delegazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea għal diskussjonijiet importanti dwar prijoritajiet nazzjonali u Ewropej.

Waħda mill-punti ewlenin tad-diskussjoni kienet it-twaqqif tat-taskforce tal-MCESD, li se tikkontribwixxi għall-Viżjoni ta’ Malta 2050, filwaqt li tenfasizza l-importanza tal-konsultazzjoni mal-istakeholders u l-ħidma kollettiva.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, enfasizza l-irwol ċentrali tad-djalogu soċjali fit-tmexxija tal-irkupru u l-iżvilupp ta’ Malta. Huwa stqarr kif: “Id-djalogu soċjali huwa essenzjali fit-tiswir tal-futur ekonomiku u soċjali ta’ Malta, filwaqt li niffokaw fuq il-ħtiġijiet tal-poplu u niżguraw li l-isforzi tagħna jallinjaw mal-għanijiet nazzjonali u Ewropej,”

L-imsieħba soċjali enfasizzaw il-ħtieġa għal diskussjonijiet miftuħa, trasparenti, u mmexxija mill-impatt biex jindirizzaw sfidi kruċjali bħar-riforma tal-edukazzjoni, is-sostenibbiltà, u l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol. Huma saħqu fuq l-importanza tal-investiment fit-taħriġ tal-ħiliet, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-ħolqien ta’ mekkaniżmi biex jiġu evalwati r-riżultati tad-djalogu, sabiex jiżguraw responsabbiltà u progress li jista’ jitkejjel. Suġġetti bħat-traffiku, l-industrija tal-bini, u t-tnaqqis tal-carbon footprint ta’ Malta ġew ukoll diskussi bħala prijoritajiet essenzjali.

Fit-tieni parti tal-laqgħa, id-diskussjonijiet iffokaw fuq it-tisħiħ tal-produttività kollettiva u r-rwol ta’ Malta fl-Ewropa. Delegazzjoni mill-Employers’ Group tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC), immexxija mill-President Stefano Mallia, enfasizzat l-urġenza li tiġi msaħħa l-kompetittività fl-Ewropa.

“L-investiment waħdu mhux se jmexxi lill-Ewropa ’l quddiem; riformi strutturali huma essenzjali,” qal Stefano Mallia. “Irridu nnaqqsu l-piżijiet regolatorji, insaħħu s-suq waħdieni, u nnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija. Issa huwa ż-żmien li ngħaddu mid-dikjarazzjonijiet għal azzjonijiet konkreti u rapidi li joħolqu ambjent li jappoġġja n-negozju, fejn il-kumpaniji Ewropej jistgħu jkunu innovattivi, jikbru, u jimxu ’l quddiem.”

L-impenn tal-MCESD biex jippromwovi djalogu u kollaborazzjoni sinifikanti ġie enfasizzat waqt il-laqgħa, bil-għan li l-prijoritajiet u l-azzjonijiet ta’ Malta jikkontribwixxu b’mod konkret għall-progress Ewropew.

Ritratti: