L-Isfidi tat-Traffiku f’Malta Diskussi f’Laqgħa tal-MCESD mal-Ministru Responsabbli u l-Imsieħba Soċjali

Matul il-laqgħa tal-Kunsill tal-MCESD ġew diskussi speċifikament miżuri rilevanti u mistennija għat-tnaqqis tat-traffiku f’pajjiżna. 

Preżenti għal din il-laqgħa importanti tal-MCESD kienu l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi, l-Onor. Chris Bonnett; is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul; il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, is-Sur Steve Ellul; il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, is-Sur Kurt Farrugia; is-Segretarju Permanenti s-Sur Godwin Mifsud; flimkien mal-Imsieħba Soċjali tal-MCESD li taw l-opinijoni tagħhom u proposti tanġibbli b’reazzjoni għall-preżentazzjoni li ta l-Ministru Bonnett. Il-laqgħa tmexxiet miċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb.

Din il-Laqgħa tal-Kunsill tal-MCESD saret fuq talba mill-Kamra tal-Kummerċ biex tindirizza l-isfida urġenti u l-konsegwenzi tal-konġestjoni tat-traffiku flimkien mal-Ministru Bonnett u t-tim tiegħu. Il-Kamra saħqet fuq l-importanza li l-pjanijiet tat-traffiku tal-gvern jinqasmu minn qabel mal-MCESD, biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni aktar effettiva u jiġu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet kollha qabel ma jiġu mnedija proposti ġodda.

Il-Ministru Bonnett ippreżenta statistika ewlenija u spjega proposti, u stieden lill-Imsieħba Soċjali biex jirrevedu dawn l-inizjattivi mill-qrib u jagħtu s-suġġerimenti tagħhom. Huwa enfasizza l-importanza ta’ kontribut kollaborattiv biex dawn il-miżuri jiġu kkritikati u raffinati, bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet effettivi li jindirizzaw l-isfidi tat-traffiku ta’ Malta filwaqt li jitqiesu l-perspettivi tal-partijiet interessati kollha.

L-Imsieħba Soċjali pprovdew feedback proattiv u bir-reqqa għall-proposti li għamel il-Ministru Bonnett u impenjaw ruħhom f’diskussjonijiet fejn ippreżentaw u offrew l-għarfien u r-rakkomandazzjonijiet siewja u tanġibbli tagħhom lill-Ministeru.

Il-Ministru Bonnett irrikonoxxa l-feedback kostruttiv f’dawn l-istadji bikrija u apprezza l-valur li d-Djalogu Soċjali jista’ jġib biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-traffiku f’Malta. L-MCESD afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jrawwem il-kollaborazzjoni sabiex jiġu appoġġati soluzzjonijiet ta’ trasport effettiv u sostenibbli għal Malta, kemm għal żmien qrib, medju, kif ukoll fit-tul.

Ritratti: