Il-Fondi Ewropej u l-Intelliġenza Artifiċjali fuq l-aġenda tal-MCESD.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, l-Onor. Chris Bonett, introduċa kif għandhom jiġu investiti it-2.2 biljun Ewro f’fondi Ewropej. Matul il-laqgħa, is-Segretarju Permanenti għall-Fondi Ewropej u l-Artijiet, is-Sur Jonathan Vassallo, ipprovda ħarsa ġenerali lejn il-perjodu ta’ programmazzjoni tal-Fondi tal-UE għall-2021–2027. Huwa tkellem dwar l-irwol importanti tal-imsieħba soċjali u b’mod partikolari ċċara l-objettivi tal-Fond Soċjali Ewropew (ESF).
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett tkellem dwar l-importanza tal-proċess ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali. “Dan il-Gvern jisma’ u jaġixxi. Qegħdin nissimplifikaw kemm nistgħu biex aktar kumpaniji u persuni japplikaw għall-fondi Ewropej. Irridu nagħmlu l-fondi Ewropej aktar aċċessibbli għan-nies sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-ħolm u l-ambizzjoni tagħhom realtà.” qal Dott. Bonett.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, l-Onor. Andy Ellul stqarr li, “Irridu nħarsu lejn dan is-suġġett bi pjan strateġiku f’moħħna, fejn kull azzjoni trid tkun parti minn katina ta’ azzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar tiżgura li pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem. Huwa wkoll dmir tagħna li niżguraw li dawn il-flus jintefqu bl-aħjar mod possibbli u b’mod sostenibbli u jeħtieġ li niżguraw li dan il-programm ta’ finanzjament Ewropew jgħin lin-nies u lin-negozji, u jwassal ukoll għal għanijiet fit-tul.”
Il-preżentazzjoni dwar il-perjodu ta’ programmazzjoni tal-Fondi tal-UE 2021-2027 tista’ taċċessaha minn hawnhekk.
It-tieni parti tal-laqgħa kienet iddedikata għall-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-intelliġenza artifiċjali (AI). Il-Professur Alexiei Dingli spjega kif l-AI hija, u se tkompli ssawwar is-soċjetà tagħna. Saħaq li l-AI mhux se tieħu f’idejha l-impjiegi tal-bniedem iżda jirbaħ xi ħadd li jaf juża l-AI. L-imsieħba soċjali kienu konxji ħafna ta’ kif l-IA kienet qed tħalli impatt fuq is-soċjetà tagħna u l-ekonomija tagħna u motivati bil-ħtieġa li jlaħħqu mal-aħħar żviluppi sabiex jibqgħu rilevanti u kompetittivi.
Il-preżentazzjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) tista’ taċċessaha minn hawnhekk.