L-MCESD jiddiskuti l-prijoritajiet Ewropej u r-rakkomandazzjonijiet għal Malta
Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) laqqa’ lill-imsieħba soċjali tiegħu sabiex jiddiskuti żviluppi ewlenin fil-livell tal-Unjoni Ewropea u r-rilevanza tagħhom għal Malta, b’enfasi fuq id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2026 u s-Semestru Ewropew 2026.
Il-laqgħa, li saret fit-18 ta’ Settembru 2026 fil-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università ta’ Malta, inkludiet interventi introduttorji miċ-Chairperson tal-MCESD Maria Micallef u mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, l-Onor. Keith Azzopardi Tanti. Saret ukoll preżentazzjoni mis-Sinjura Maria Elena Despott, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, segwita minn reazzjonijiet u diskussjoni mal-imsieħba soċjali.
Il-preżentazzjoni tat ħarsa ġenerali lejn il-prestazzjoni ekonomika ta’ Malta, filwaqt li enfasizzat tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross (PDG) ta’ 4.0% fl-2025, bi tkabbir imbassar ta’ 3.7% fl-2026. Ġie nnutat ukoll it-tkabbir kontinwu fl-impjiegi, flimkien mal-isfidi relatati man-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet.
Is-Sinjura Maria Elena Despott, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, qalet “id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Ursula von der Leyen ippreżenta l-viżjoni u l-azzjonijiet konkreti għas-sena li ġejja sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji Ewropej. Il-prijoritajiet imħabbra huma partikolarment rilevanti għal Malta, fosthom il-kompetittività, it-tlestija tas-Suq Uniku, is-simplifikazzjoni tar-regoli, it-titjib tal-aċċess għall-kapital u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità ogħla.”
Hija żiedet li l-isfidi, mill-intelliġenza artifiċjali sat-tibdil fil-klima, jippreżentaw ukoll opportunitajiet għaċ-ċittadini u n-negozji, filwaqt li enfasizzat l-importanza tar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew fit-tisħiħ tal-kompetittività ta’ Malta.
X’ġie diskuss waq din il-laqgħa, iċ-Chairperson tal-MCESD Maria Micallef qalet li “iffukajna fuq żewġ oqsma importanti: id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Ursula von der Leyen, li spjega l-prijoritajiet tal-UE għas-sena li ġejja, u r-Rapport tal-Pajjiż għal Malta fi ħdan is-Semestru Ewropew. Filwaqt li ċ-ċifri ekonomiċi juru li Malta qed tkompli miexja f’direzzjoni pożittiva kif ukoll li ddiskutejna s-sitt oqsma identifikati permezz tar-rakkomandazzjonijiet tal-UE li fuqhom Malta jeħtieġ li tkompli tiffoka.”
Il-laqgħa eżaminat is-sitt oqsma koperti mir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż għal Malta għall-2026 u l-2027: il-politika fiskali, it-tassazzjoni u l-pensjonijiet; il-fondi tal-UE; ir-riċerka u l-innovazzjoni u s-sistema tal-ġustizzja; l-enerġija u t-trasport; l-immaniġġjar tal-iskart u l-ilma; u l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-kwalità tal-impjiegi.
Id-diskussjoni tat lill-imsieħba soċjali l-opportunità li jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar ir-rakkomandazzjonijiet u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Malta.
Ritratti:















