L-MCESD jiddiskuti t-tisħiħ tar-reżiljenza klimatika ta’ Malta

L-MCESD laqqa’ lill-imsieħba soċjali għal diskussjoni mal-Climate Action Authority dwar it-tħejjija ta’ Malta għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Il-preżentazzjoni mill-Kap Eżekuttiv Abigail Cutajar indirizzat ir-riskji li avvenimenti estremi tat-temp joħolqu għall-infrastruttura, għall-operat tan-negozji u għall-benesseri tal-ħaddiema u tas-soċjetà.

Fost il-proposti diskussi kien hemm miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, spazji pubbliċi bid-dell u ċentri fejn in-nies jistgħu jistkennu mis-sħana, kampanji ta’ għarfien, u aktar ħdura u miżuri biex tittaffa s-sħana fiż-żoni urbani. Dawn ġew segwiti minn proposti għat-tisħiħ tal-infrastruttura tal-enerġija u tal-ilma, ġestjoni aktar flessibbli tad-domanda għall-elettriku, u ppjanar urban li jsaħħaħ ir-reżiljenza klimatika. Ġew ippreżentati wkoll miżuri għat-tħejjija tas-servizzi tas-saħħa għal mewġiet ta’ sħana u avvenimenti estremi, it-tisħiħ tal-infrastruttura tat-toroq u tat-trasport, il-kontinwità tal-provvista u s-sigurtà tal-ikel, u appoġġ immirat lejn anzjani li jgħixu waħedhom.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, Maria Micallef, enfasizzat tliet prijoritajiet ewlenin: ippjanar effettiv u tħejjija minn qabel, edukazzjoni mmirata lejn etajiet differenti tas-soċjetà, u protezzjoni tal-ħaddiema u tas-soċjetà b’mod ġenerali. Saħqet li dawn huma essenzjali biex il-pajjiż ikun aktar preparat u reżiljenti quddiem l-isfidi klimatiċi.

Min-naħa tagħha, l-Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority Abigail Cutajar spjegat li l-laqgħa mal-imsieħba soċjali kellha l-għan li tikkonsolida sett ta’ proposti biex jitressqu lill-Gvern, bil-ħsieb li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiż u jitħejjew aħjar id-diversi setturi.

Il-kontribuzzjonijiet se jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp tal-Pjan Nazzjonali għar-Reżiljenza Klimatika, filwaqt li l-Awtorità se tippreżenta Green Paper wara l-konsolidazzjoni tal-proposti mill-MCESD.

Ritratti: