L-Imsieħba Soċjali jiddiskutu l-ewwel sena tal-Labour Migration Policy

L-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD iddiskutew l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-Labour Migration Policy u taw il-fehmiet tagħhom dwar il-miżuri introdotti. Għal-laqgħa attendew il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard u l-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità, il-Kurunell Edric Zahra, u Graziella Cauchi minn Jobsplus taw rendikont tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni u spjegaw l-impatt tal-miżuri introdotti. Huma tkellmu dwar il-progress fl-istabbiltà fl-impjieg u l-konformità fis-suq tax-xogħol, kif ukoll dwar il-ħidma biex il-ħiliet tal-ħaddiema jiġu marbuta aktar mill-qrib mal-ħtiġijiet tas-suq, filwaqt li jissaħħu l-integrazzjoni u l-protezzjoni tagħhom.

Il-Ministru Jonathan Attard qal li l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni kienet pożittiva. “Il-migrazzjoni tax-xogħol ma tistax tkun sempliċiment kwistjoni ta’ kemm għandna bżonn ħaddiema, iżda ta’ liema ħaddiema u liema ħiliet verament jeħtieġ il-pajjiż,” saħaq il-Ministru.

Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti laqa’ r-rispons tal-imsieħba soċjali għall-progress li sar u enfasizza l-importanza tad-djalogu kontinwu sabiex il-politika tibqa’ tiġi aġġornata skont il-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, Maria Micallef, qalet li “kien hemm qbil unanimu li din il-politika tmexxiet tajjeb u diġà qed tħalli benefiċċji, filwaqt li ġie rikonoxxut li għad hemm lok għal titjib.”

L-imsieħba ddiskutew ukoll l-evalwazzjoni tal-miżuri eżistenti u l-passi li jmiss fl-iżvilupp tal-politika. L-MCESD se jkompli joffri spazju għad-djalogu bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali sabiex il-politika tibqa’ tirrifletti l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Ritratti: